Ġużeppa Sant… imwielda f’San Ġiljan u hija l-akbar minn fost ħdax-il wild. Ta’ 14-il sena, ommha ħarġitha mill-iskola biex tgħin lill-familja minkejja li Ġużeppa, dak iż-żmien xbejba, kien għad għandha l-għatx għall-istudju.
Tliet xhur qabel ma żżewġet lir-raġel li kienet iltaqgħet miegħu wara li niżel lura Malta mill-Awstralja, spiċċa bla xogħol. Determinata li ma tmurx l-Awstralja kif xtaq dak iż-żmien l-għarus tagħha, Ġużeppa ħarġet taħdem ta’ tmienja u erbgħin sena u minn hemm bdiet it-triq tagħha bħala imprenditriċi.
Din hija l-istorja ta’ Ġużeppa, l-anzjana li l-Ħadd għalqet 106 snin.
Crew ta’ ONE news żar lil Ġużeppa f’jum twelidha, b’żewġ buketti ta’ fjuri friski f’ħoġorha. Irrakkontatilna kif it-tomgħa morra li ġieli tatha l-ħajja dawritha f’opportunità.
Bdiet ta’ età żgħira meta ma setgħetx tkompli bl-istudji tagħha minkejja li l-bank tal-iskola kienet tħobbu.
Ġużeppa qaltilna: “Meta kelli 14-il sena bdiet tmexxi biex toħroġni kont għadni kif nibda l-ktieb tat-Taljan. Jien it-Taljan inħobbu ħafna u l-ktieb kien jismu Speak Adoro li bdejt nistudja fuqu.”
B’memorja luċida, il-mara rrakkontat meta żewġha, raġel armel bi tlett itfal, spiċċa bla xogħol xhur qabel ma żżewġu u ried imur lura lejn l-Awstralja.
Ġużeppa sostniet: “Għedtlu jien l-Awstralja ma niġix, u b’dak it-ton, hekk bqajt ta! Li l-Awstralja ma mmurx. Qalli mela x’se nagħmlu?”
B’determinazzjoni liema bħalha, sabet soluzzjoni.
“Għedtlu ngħidlek jien x’se nagħmlu. Bdejt nixtri xi tużżana sapun minn hemm u tużżana sapun minn hawn, immur inbigħ fil-ħwienet u forsi wara 15-il ġurnata, lanqas 15, qbadt l-aġenti u sirt aġenta inbigħ fil-ħwienet”, kompliet tgħid Ġużeppa.
Liebsa ilbies pulit u b’xi ġawhra m’għonqha ma tonqosx, Ġużeppa esprimiet l-emozzjonijiet tagħha f’jum għeluq sninha.
Hija stqarret: “Jien inħossni barra mid-dinja għax dan qatt ma stennejtu jien.”
Ma naqsux il-versi kantati biex jawguraw lix-xwejħa fil-jum li fih għalqet 106 snin.