Suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta qed iqassmu l-ikel u l-mediċini lil persuni jew familji li bħalissa jinsabu fi kwarantina mandatorja minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
ONE News akkumpanja lil uħud minn dawn is-suldati li kmieni t-Tlieta, f’ħanut bieżel fin-Naxxar, bdew jgħabbu tliet vetturi tal-Armata biex jitqassmu bosta xirjiet ma nħawi differenti tal-pajjiż, kif spjegat il-Logutenent Kayleigh Gelfo.
Hija spjegat: “Qed isir pick-up tax-xirijiet u mas-suldati jkun rappreżentanti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u mill-ħanut rispettiv. Qed iqassmu x-xirja fid-djar u titħalla barra l-bieb, jiġifieri ma jsir l-ebda kuntatt mal-persuni li qegħdin fi kwarantina. Minn hemmhekk jittieħdu l-flus u jmorru jqassmu x-xirja li jmiss.”
Bħalissa x-xirjiet qed joħorġu minn ħanut fin-Naxxar, iżda ‘l quddiem il-kumpanija li tmexxi dawn il-ħwienet se tiddentifika oħrajn minn fejn ikunu jista’ jiġi ordnat ix-xiri.
Il-klijenti kollha qed jintalbu jpoġġu l-flus f’borża tal-plastik biex din tgħaddi minnufih lir-rappreżentanti tal-ħwienet. Hawnhekk stajna ninnotaw il-kawtela li biha jsiru l-preparamenti, fosthom billi jkun żgurat li kull min se jkun qed iwassal ix-xirja lill-klijenti jkollu l-ilbies protettiv meħtieġ.
L-impjegati flimkien mas-suldati u anke uffiċjali tas-Saħħa Pubblika ta’ kuljum jippreparaw aktar minn għaxar xirjiet biex iwassluhom f’kull rokna tal-pajjiż.
Dan in-numru ta’ xirjiet mistenni jitla’ hekk kif qed tintensifika l-ħidma sfieqa tal-armata biex dawk fuq kwarantina mandatorja jibqgħu jirċievu servizz meħtieġ.
Dawk li jinsabu fi kwarantina u jixtiequ jibbenefikaw minn dan is-servizz jistgħu jċemplu fuq 21 411 411.