Mimlija entużjażmu li se jkunu l-ewwel tfal li jirfsu fl-iskola primarja ġdida ta’ Wied il-Għajn, l-ewwel 100 tifel u tifla tal-kindergaren taw il-ħajja lill-dan il-proġett li sewa mas-seba’ miljun ewro.
Din l-iskola mifruxa fuq medda ta’ sitt elef metru kwadru ta’ art tinkludi fiha kindergarten, ċentru għall-ħarsien tat-tfal, u bosta faċilitajiet sportivi għat-tfal.
L-iskola nbniet ukoll b’sistemi li jħarsu l-ambjent, fosthom bini ta’ ġibjun bl-ilma tax-xita miġbur fih, li se jintuża għall-faċilitajiet sanitarji u għat-tisqija.
Il-binja li nżebgħet ukoll b’kuluri apposta li jiġbdu l-għajn tat-tfal, u tinkludi parkeġġ kbir taħt l-art li jista’ jintużaw wkoll mir-residenti wara l-ħinijiet tal-iskola.
F’filmat imtella’ fuq is-sit soċjali tad-Dipartiment tal-Edukazzoni għadd ta’ studenti lissnu l-ferħ tagħhom għal din l-iskola l-ġdida.
Isabella Cachia, Kap tal-iskola spjegat kif it-tranżizzjoni kienet waħda kkordinata ferm hekk kif kollox kien spjegat lill-ġenituri fil-ġimgħat li għaddew.
Qalet ukoll li l-iskola l-antika ma ngħalqitx u din l-iskola li inagħtat l-isem ta’ San Ġwakkin se qed tieħu numru ta’ klassijiet mill-iskola l-antika. Is-Sinjura Cachia qalet ukoll li minkejja l-età tenera tagħhom, it-tfal laqgħu din l-iskola l-ġdida b’entużjażmu kbir.
Hija rringrazzjat ukoll lill-għalliema u ħaddiema kollha li taw sehemhom sabiex dan il-proġett sar possibbli.