L-aħħar Erbgħa ta’ Settembru, sebaħ jum sabiħ, li laqa’ lil eluf kbar ta’ studenti lura għal sena skolastika ġdida.
Wara l-btajjel tas-sajf, il-maġġoranza tal-iskejjel f’pajjiżna fetħu l-bibien tagħhom, biex jilqgħu lil ftit aktar minn sitta u erbgħin elf student u studenta, imferrxin madwar il-pajjiż kollu.
It-temp sabiħ bla dubju għen lil min forsi ħassha diffiċli joħroġ mis-sodda u jinqata’ mit-tnikkir żejjed tas-sajf.
L-iskejjel ukoll għenu f’dan ir-rigward, bid-daħliet ta’ wħud minnhom imżejnin, kif kien il-każ fl-iskejjel li żorna aħna, b’għadd ta’ lwien, karattri animati u mużika ferriħija, li qajmu l-entużjażmu fost l-istudenti.
B’wiċċhom għad-dawl u lesti għal dak li hemm imħejji għalihom, it-tfal imlew il-klassijiet il-ġodda li fihom se jkunu qed jieħdu t-tagħlim tagħhom.
lllamtati minn fuq s’isfel u kuntenti li reġgħu ltaqgħu ma’ sħabhom li kellhom mis-sena li għaddiet u oħrajn ġodda, ma’ ONE NEWS l-istudenti qalu li jinsabu ħerqanin biex b’determinazzjoni jegħlbu l-isfidi li ġġib magħha s-sena skolastika.
Il-ġenituri u anke n-nanniet ukoll kellhom emozzjonijiet differenti.
Min bid-dmugħ f’għajnejh u min kuntent li t-tfal jistgħu jerġgħu jkunu fl-ambjent ta’ skola, jiltaqgħu ma’ sħabhom u mal-għalliema.
Eċċitati wkoll kienu l-ħaddiema tal-Iskola Primarja St Thomas More ta’ Ħal Tarxien, li stqarrew magħna kif l-istituzzjoni edukattiva qed terġa’ timtela bil-ħajja wara sajf kwiet, b’ħidma wara l-kwinti.
Ma naqsux ukoll l-aspettattivi tat-tfal għall-ġejjieni tagħhom, biex dak li qed jiżirgħu bħalissa, ikunu jistgħu jaħsduh ’il quddiem u jwassalhom għal dak li tant jixtiequ.