Daqqu t-tmienja u nofs ta’ filgħodu, reġa’ infetaħ il-bieb għal mija disgħa u sebgħin student.
L-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS reġa’ ħa l-ħajja bl-istudenti li bdew jattendu mija u sittin sessjoni ta’ prattika li tilfu meta kawża tal-pandemija l-Istitut kien għalaq.
Disa’ kċejjen fl-ITS, f’Ħal Luqa reġgħu bdew jaraw ftit attività u m’għandniex xi ngħidu, l-entużjażmu ma naqasx.
Charlene Montebello li hija studenta fl-ITS qaltilna: “Bħala studenta meta tkun qiegħed fl-iskola biex titgħallem isajjar trid tipprattika, teorija all right tagħmilha online lessons, imma prattika, prattika trid.”
Filwaqt li Esther Schembri sostniet: “Jekk nimxu pass pass u naħdmu bħala tim jirnexxilna u bħala lezzjonijiet oħra naħseb naqra diffiċli, imma bl-għajnuna tat-teachers, tal-istaff u l-istudenti jirnexxielna wkoll.”
Lettur fl-ITS qal li issa l-istudenti għandhom ċans jikbsu dak tilfu wara li anki ftehim li sar mal-unjin tal-għalliema.
Is-Sur Zarb stqarr: “It-tfal ħa nerġgħu nagħtuhom iċ-ċans li jirkupraw li tilfu minn Marzu sa Ġunju peress li kellna l-kwistjoni tal-COVID, li nista’ ngħidlek li l-istudenti kollha entużjasti li reġgħu ġew lura. Issa looking forward li tispiċċa din il-biċċa xogħol u mbgħad nerġgħu mal-situdenti l-ġodda f’Ottubru.”
Biex jiġi żgurat ambjent edukattiv sigur, l-Istitut ħareġ numru ta’ protokolli stretti maqbula mal-awtoritajiet tas-saħħa fosthom it-teħid tat-temperatura tal-ġisem, iż-żamma tad-distanza soċjali, l-użu tal-maskri kif ukoll ta’ kuljum isir fumigar fil-kċejjen u postijiet oħra madwar l-Istitut.
Apparti minn dan, jekk persuna tiżviluppa xi sintomi waqt li tkun fl-Istitut, tittieħed ġo kamra. Fl-eventwalità li jkun student jew lettur, titwaqqaf il-lezzjoni, bil-persuni kollha li jkunu fl-istess kamra mal-persuna jintbagħtu d-dar.
Intant, minn nhar it-Tnejn, 7 ta’ Settembru, se jinfetħu it-tliet ristoranti tal-ITS, tnejn f’Malta u ieħor f’Għawdex.
Stefan Tabone, li huwa Amministratur Akkademiku fl-ITS qal: “Inħeġġu n-nies biex jiġu mhux għall-esperjenza biss li żgur ħa tkun ta’ esperjenza ta’ ikel, imma fl-istess ħin jgħinu lill-istudenti tagħna biex ikomplu jipprattikaw u jlestu dawn ir-recovery sessions li tilfu fiż-żmien li kellna ngħalqu tal-pandemija.”