Uffiċjali fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għaddejjin b’ħidma ma taqta’ xejn bi spezzjonijiet fi stabbilimenti tal-ikel madwar il-gżejjer Maltin, biex jiżguraw li l-ebda ħanut tal-ikel ma jħalli nies jieklu fuq ġewwa tal-istabbiliment.
Kru ta’ ONE News qatta’ l-għodwa tas-Sibt ma’ wieħed minn dawn it-timijiet, u kull ħanut li ġie spezzjonat kien konformi mal-liġi.
Id-direttur tat-taqsima tal-infurzar David Mifsud, spjega li f’aktar minn għoxrin elf spezzjoni li saru sa issa fil-Gżejjer Maltin, kienu biss għaxar stabbilimenti li nqabdu jiksru l-avviż legali u ġew immultati tliet elef ewro.
Is-Sur Mifsud stqarr: “Jiena nieħu gost li jidħlu lura wara ġurnata u jgħiduli isma aħna ma sibna xejn. Dejjem ngħidha u nisħaqha mhux ix-xogħol tagħna li nwaħħlu l-multi. Ix-xogħol tagħna li naraw li tiġi osservata din il-legal notice u qed nagħmlu hekk b’ċertu obbligu u b’ċertu determinazzjoni”
Huwa saħaq li l-ispezzjonijiet isiru f’kull ħin tal-ġurnata, u jibqgħu għaddejjin sa tard bil-lejl.
Is-Sur Mifsud sostna: “Immorru kmieni ħafna filgħodu li hemm in-nies sejrin għax-xogħol li jħobbu jiefqu għand ħwienet tat-te u jieħdu t-te u jinġemgħu hemmhekk. Nafu b’dawn it-tip u nieħdu miżuri f’dan is-sens.”
Ħidma importanti bħal din tirrikjedi operazzjoni loġistika sostanzjali. Għalhekk diversi timijiet qed iduru l-istabbilimenti fil-lokalitajiet kollha, fi sfond ta’ miżuri biex anki l-impjegati tal-Awtorità jkunu siguri.
Is-Sur Mifsud sostna: “Huma maqsumin f’koppji li joħorġu tnejn tnejn u dejjem l-istess tnejn joħorġu. Jekk wieħed jieħu ġurnata leave jew allaħares qatt ikun ma jiflaħx l-ieħor ma joħroġx għax huma abbinati flimkien kif ukoll għandhom karozza li dejjem tkun għalihom.”
Waqt ħidmet l-Awtorità s-Sibt filgħodu, instabu diversi persuni li kienu biswit ħwienet tal-ikel. Għalkemm teknikament ħadd ma kien qed jikser il-liġi, il-ħaddiema kienu fid-dmir li jfakkru lil dawn il-persuni biex iżommu d-distanza.
Kien hemm ukoll min forsi bi żvista, rama’ l-imwejjed, iżda malajr sab lill-Awtorità tfakkru sabiex ineħħihom.
Huwa kompla jispjega: “Ma kien hemm fuqhom, ħadd jikser il-liġi però navzawh minn qabel din il-mejda hemm barra qed tistiden lin-nies biex ipoġġu l-prodott hemm u joqgħodu jikkunsmaw hawn. Mela dawk l-imwejjed neħħihom, daħħalhom ġewwa u għamilhom b’mod li ma jistgħux jintużaw.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli esprimiet l-apprezzament tagħha għall-fatt li l-maġġoranza assoluta tal-operaturi qegħdin jobdu l-avviż legali u minflok għalqu l-bibien, għażlu li jaġġustaw l-operat tagħhom.
Il-Ministru Farrugia sostniet: “Nappella biex dawk il-ftit li sa issa mhux qegħdin jobdu l-liġijiet ta’ pajjiżna jieħdu l-eżempju tal-maġġoranza li qegħdin jobdu.”