Il-Blalen, iċ-ċriki u l-beraq tal-kulur ser jiddominaw is-sema Għawdxija fit-tmiem din il-ġimgħa, hekk kif għal darb’oħra ser jerġa’ jittella’ l-ispettaklu kbir tan-nar minn fuq in-Nuffara, l-għolja li tifred lix-Xagħra min-Nadur.
ONE News żar in-Nuffara, fejn mill-qrib stajna ninnotaw diversi dilettanti tan-nar mill-Għaqda tan-Nar tax-Xagħra, iħawlu l-kanen fil-ħamrija sabiex imbagħad ikunu jistgħu jitpoġġew l-murtali.
Tkellemna ma’ Manuel Spiteri fejn spjega l-proċess delikat u xejn faċli sabiex in-nar jinġarr mill-kmamar tan-nar f’Malta għal Għawdex.
Hu qalilna “Dan jitlaq bi skorta mal-pulizija mill-kamra tan-nar għall-Marfa, minn hemmhekk jitgħabba fuq lanċa u jinġarr għal Imġarr ix-Xini f’Għawdex u minn hemmhekk jerġa’ jitgħabba fuq it-trakkijiet bi skorta oħra għar-raħal tax-Xagħra”.
Spiteri żied jgħid kif dan l-ispettaklu beda 12-il sena ilu u li kien l-ewwel wieħed ta’ dan ix-xorta fil-gżira tat-tliet għoljiet. Qal li ta’ kull sena jiġbed lejh eluf ta’ Maltin, Għawdxin u turisti.
“Konna mmorru Malta għall-festi naraw ix-xows u għidna għaliex ma nagħmlux xi ħaġa simili f’Għawdex. Dan kien 12-il sena ilu u mbagħad nibtet din iż-żerriegħa f’din l-għaqda li kien riskju kbir dakhinhar għaliex kif ħa tagħmel dan ix-xogħol kollu”, temm jgħid Spiteri.
L-ispettaklu ser jittella’ s-Sibt għall-ħabta tat-8:30 ta’ filgħaxija u l-pubbliku hu mistieden isegwih dan mit-telgħa ewlenija tax-Xagħra Għawdex.