Fl-aħħar jiem beda x-xogħol ta’ skavar għall-iskola primarja l-ġdida fir-Rabat Għawdex b’investiment ta’ għaxar miljun ewro.
Permezz ta’ dan l-investiment it-tfal Għawdxin fis-snin li ġejjin se jibbenefikaw minn tagħlim f’ambjent mill-isbaħ.
L-iskola se tinbena fil-kampus edukattiv eżistenti wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ dawk kollha nvoluti.
Il-Perit Joe Attard f’isem il-fondazzjoni għall-iskejjel ta’ għada spjega li l-iskola eżistenti tinsab f’binja li nbniet bħala sptar iktar minn mitt sena ilu.
“Ħassejna l-bżonn li tinbena skola ġdida adegwata bid-diżinni li wieħed ikollu bżonn. Apparti hekk din il-binja eventwalment ħa jkollha klassijiet kbar, arjużi, infrasturttura double glazing apertures, thermal break, dawl u ilma kollox ġdid u servizzi bħal AC’s.”
Minbarra l-iskola għall-istudenti fl-edukazzjoni primarja, is-sit se jinkludi wkoll kindergarten, childcare centre u faċilitajiet sportivi.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici stqarr li l-bini ta’ skejjel ġodda huwa ta’ prijorità għall-Gvern għax it-tfal jixirqilhom ambjent adegwat u tal-aqwa livell.
“Bis-saħħa ta’ din l-iskola l-ġdida se jkun hemm faċilitajiet state of the art għall ġid tat-tfal Rabtin ta’ Għawdex għax hemmhekk ħa jkun hemm l-aqwa faċilitajiet sportivi, swali u servizzi oħrajn bħal kindergarten u l-affarijiet kollha li drajna f’kumpless edukattiv tal-aqwa livell li rridu f’dan iż-żmien tal-lum.”
Bħala parti mill-proġett se jsir rinovar tal-iskola medja li hemm biswit is-sit, filwaqt li l-parkeġġ biswit bi spazju għal 36 karozza se jkun inkluż fil-proġett finali, hekk kif dan kellu jiġi rilokat.