Fenomenu ta’ serq li qed jikber xi ftit fil-popolarità huwa dak ta’ karozzi u vetturi għall-parts jew inkella għall-ħadid.
Fejn il-vettura tinsteraq u tiżżarma bil-bqija tagħha jiġfieri l-magna u c-chassis jintrema jew jinħaraq.
Dan il-fenomenu qed jinbidel f’negozju ġdid fuq l-internet u l-aktar facebook. Dan għaliex joffri l-possibilita’ kollha sabiex dawn il-parts ikunu jistgħu jinbiegħu.
L-aktar każ riċenti huwa dak ta’ karozza rrapurtata misruqa, li mbagħad instabet taħt il-baħar f’Miġra Ferħa.
Dwar dan l-Ispettur Arthur Mercieca mill-Iskwadra tal-Karozzi misruqa spjegalna kif il-każijiet juru li l-aktar vetturi komuni li jinsterqu għal dan l-għan huma dawk rari jew inqas komuni, u karozza antiki.
Madankollu din l-iskwadra intensifikat il-ħidma tagħha u ta’ kuljum tista tgħid tanalizza n-negozju ta’ parts li jkun għaddej fuq l-internet.
Bħalissa wkoll fuq skala ewropeja għaddejjin diskussjonijiet sabiex il-manifatturi tal-karozzi jibdew jagħmlu mezz ta’ identifikazzjoni fuq il-parts kolllha, sabiex wieħed ikun jista’ jasal għall-vettura inkwistjoni.
Fl-aħħar ġimgħat il-Pulizija investigat diversi każi ta’ serq ta’ vetturi.
Fost oħrajn minn ambulanza ta’ sptar privat sa trakk kbir li jġorr il-containers u li l-għan aħħari tal-ħallelin kien li dawn jinbiegħu għall-ħadid.
L-Ispettur Mercieca jgħid kif illum il-ġurnata makkinarju u inġenji differenti, anke dawk użati fl-agrikultura fosthom muturi tal-ħart qed jiġu b’numru ta’ identifikazzjoni, dan sabiex jgħin aħjar lill-pulizija fl-investigazzjonijiet fejn jidħlu reati ta’ jew b’vetturi.