Il-pantomima huma sinonimi mal-Milied u fit-teatru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu qed titella l-pantomima L-Imbuljuta – A Panto in the Dark.
Il-pantomima se ssir fi dlam ċappa hekk kif tfasslet għal dawk il-membri tal-udjenza li huma neqsin mid-dawl. Din is-sena se tkun qed tgħidilna kif inħolqot l-imbuljuta, ix-xarba tradizzjonali ta’ żmien il-Milied fil-gżejjer Maltin.
Erba’ atturi se jkunu qed jinterpretaw 20 karattru b’ilħna differenti. Wieħed minn dawn huwa ċ-ċkejken Samuel Farrugia li huwa stess huwa nieqes mid-dawl.
L-atturi se jkunu f’kamra apposta fejn se jkunu qed jitkellmu min fuq mikrofonu li jaqra l-vuċijiet min-naħat kollha. L-udjenza se tkun qed tisma’ kollox minn kamra oħra fejn se jisimgħu minn fuq il-headphones, kif spjegat id-direttriċi u kittieba Marta Vella.
Hija spjegat ma’ crew ta’ ONE News: “L-iktar ħaġa differenti li għandha hi pantomima fi dlam ċappa. jiġifieri l-udjenza ħa tidħol f’kamra fid-dawl u mbagħad ħa jiġi ttestajt il-blackout u min mhux komdu fid-dlam ikun jista’ joħroġ, però din iseħħ fi dlam ċappa, jiġifieri kull membru tal-udjenza ħa jkollu par headphones u ħa jkun qiegħed jisma’ u jesperjenza, għaliex fiha wkoll ħafna effetti multi-sensorjali.”
Tkellimna wkoll ma’ Neil Zerafa dwar kif l-atturi tħarrġu għall-pantomima. Hu fisser li “L-ewwel darba li tfejna d-dawl inħsad, kienet naqa diffiċli għax mhux komuni tkun f’pitched darkness għall-aħħar u mbagħad tinduna kemm sensi oħra they kick jiġifieri s-smigħ u speċjalment il-ħars. Qed ninduna għalija personali kemm il-vista hija xi ħaġa li ma ngħaddiex mingħajra.”
Din il-produzzjoni qed issir fi Spazju Kreattiv sal-Ħadd 29 ta’ Diċembru.