Min jaħseb biex inaqqas mill-ikel, min biex iwaqqaf is-sigaretti, min iwiegħed aktar ħin mal-familja u oħrajn li ma jkollhomx xi jgħidu ma ħadd/ Dawn kienu wħud mill-aktar riżoluzzjonijiet popolari li qalulna dawk li tkellimna magħhom it-Tnejn filgħodu fil-Belt.
Dan meta ninsabu sigħat biss ’il bogħod mill-bidu ta’ sena ġdida li fil-bidu tagħha hija drawwa komuni fost ħafna li jagħmlu riżoluzzjoni u jaqtgħu xi drawwa ħażina li jkunu qabdu matul is-snin.
Iltqajna ma’ bosta li kienu ħerqana biex jipprovaw iżommu dawn il-wegħdiet magħhom infushom. Oħrajn qalulu li r-riżoluzzjonijiet m’għandhom relevanza ta’ xejn/
Ir-riżoluzzjonijiet tal-ewwel tas-sena jmorru lura għal iktar minn 4,000 sena. Iżda, filwaqt li t-tradizzjoni għexet għal dan iż-żmien kollu, hawn min ir-riżoluzzjoni tiegħu ddum mill-Milied sa San Stiefnu kif qalulna numru mhux ħażin ta’ nies li qalulna li qatt ma jagħmlu riżoluzzjonijiet.
Mitt bniedem mitt fehma ….. min jinsab konvint li din id-darba se jagħmilha u oħrajn b’riżoluzzjoni ċara li ma jagħmlu xejn għax jafu li jwegħdu xi jwegħdu lilhom infushom, se jiksruha u jispiċċaw iħossuhom agħar għax ma żammewhiex!