Is-sena l-ġdida bdiet kważi kif spiċċat dik ta’ qabilha b’temp kiesaħ ixoqq il-għadam. Fil-fatt b’temperatura ta’ disa’ gradi celcius, il-jum ta’ Ġimgħa li ġej mistenni jkun l-aktar wieħed kiesaħ għal din ix-xitwa. Dan hekk kif arja kiesħa minn fuq it-Tramuntana tal-Ewropa se tersaq lejn iċ-ċentru tal-Mediterran.
L-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li s-sena li għaddiet kienet l-aktar waħda b’maltemp. Dan partikolarment fil-jiem sħan tas-sajf tant li għal għaxart ijiem sħaħ, il-Maltin ħarġu l-umbrellel biex jilqgħu għal xita qliel.
Mark Vella Gera, bassar tat-temp mas-sit lokali Malta Weather, stqarr ma’ One News li għalkemm uħud, l-aktar id-dilettanti tal-Karnival ma ħadux gost bix-xita li niżlet fi Frar tas-sena l-oħra, din ix-xita kienet ferm importanti għall-gżejjer Maltin għax naqset ftit min-nixfa li kellna f’dawn l-aħħar tliet snin.
“Is-sena l-oħra, kienet sena pjuttost bix-xita, għalkemm ma kisritx l-ebda rekord, imma almenu wara s-sentejn jew it-tliet snin ta’ qabel, fejn kellna nixfa mhux ħażin u inqas xita mis-soltu, almenu din ix-xita, speċi ta’ dik in-nixfa spiċċat”.
Vella Gera qalilna li għalkemm dan ix-xahar ser ikun kiesaħ u li hemm mnejn ikollna x-xita, il-kumpalament tax-xhur l-oħra speċjalment ir-rebbiegħa, ser ikunu sħan aktar min-normal. Żied jgħid li minħabba t-temperaturi għoljin, hemm possibilità li fis-sajf jerġa’ jkollna xi maltempati.
“Is-sena li ġejja tidher ukoll li sfortunatament se tkun xotta, almenu dak hu l-ewwel indikazzjonijiet li għandna, li forsi Jannar, dan ix-xahar, peress li se jkun hemm pressjoni għolja fuq l-Ingilterra, jidher li se jkollna ammont ta’ kesħa mhux ħażin u forsi anke xita, biss imbagħad ir-rebbiegħa u s-sajf se jerġgħu jkunu xotti u anke sħan iktar min-normal, biss bħas-sajf li għadda jista’ jagħti l-każ ukoll li jkollna maltempati u xita fis-sajf minħabba li l-baħar ikun saħan iktar min-normal u b’hekk jikkawża iktar evaparazzjoni”.
Matul is-sena li għaddiet ix-xita li niżlet kejlet 600 millimetru. L-aktar xahar li matulu niżlet xita f’pajjiżna matul is-sena li għaddiet kien Ottubru.