Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali bi pjaċir iħabbar it-tnedija uffiċjali tal-kunċett ‘Malta Bus Reborn’ li se sseħħ permezz ta’ esibizzjoni fi Pjazza Tritoni nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru 2019 fit-8:00 ta’ filgħaxija.
‘Malta Bus Reborn’ huwa kunċett li tħabbar għall-ewwel darba fl-1 ta’ April ta’ din is-sena, fejn qanqal diskussjoni b’risposta pożittiva minn ħafna nies. Il-kunċett, li ġie propost mill-Perit Jonathan Mizzi u Mizzi Studio, huwa bbażat fuq disinn innovattiv għal flotta elettrika ta’ karozzi tal-linja, liema disinn jinkorpora diversi karatteristiċi partikolari li kienu assoċjati mal-karozzi tal-linja tradizzjonali li konna naraw fuq it-toroq tagħna.
Il-ħsieb wara dan il-kunċett huwa li jżewweġ il-kultura u t-tradizzjoni mal-progress u s-sostennibilità, b’mod partikolari fil-mod ta’ kif niċċaqalqu, u huwa għalhekk li l-Ministeru ta l-appoġġ tiegħu għat-tnedija ta’ dan il-kunċett.
Dwar dan kollu, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal, “Meta nitkellmu dwar l-intermodalità, ma nkunux qegħdin infissru biss li minflok dejjem nużaw il-karozza privata, nagħżlu li nimxu jew li nsuqu xi vettura iżgħar bħall-mutur jew ir-rota. Anzi, mezz importanti mmens f’din il-mixja huwa dak tat-trasport pubbliku. Fl-aħħar ftit snin għamilna diversi investimenti f’dan il-mezz tat-trasport, kemm biex ikollna flotta ikbar li tiflaħ għaż-żieda fl-użu, kemm biex inkomplu ninċentivaw lin-nies biex jużawh, kif ukoll biex ikollna flotta dejjem aktar nadifa u sostenibbli. Għalhekk, ma nistgħux ma nappoġġjawx bis-sħiħ kunċett li jpoġġi fuq quddiem nett l-ambjent u s-sostennibilità, filwaqt li jħares lura lejn il-punt tat-tluq tagħna fi tfulitna.”
Min-naħa tiegħu, il-Perit wara dan il-kunċett Jonathan Mizzi qal, “Id-disinn tagħna għal Malta Bus elettrika ġdida jiċċelebra l-legat ikoniku tal-predeċessuri tagħha, filwaqt li jadatta għall-preżent permezz ta’ disinn ġdid li huwa kontemporanju u effiċjenti ħafna. Ninsabu sodisfatti immens li l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qiegħed jagħti appoġġ għal dan il-proġett. Bl-appoġġ tagħhom nemmnu li l-karozza tal-linja ġdida tagħna tista’ tagħti tifsira ġdida lil parti mill-wirt Malti li baqa’ verament apprezzat mill-pubbliku.”
Il-Ministeru jixtieq jinforma lill-pubbliku li filmat qasir f’forma ta’ trailer jinsab disponibbli fuq il-media soċjali ta’ ‘Move’, pjattaforma informattiva ġdida mmexxija mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.
Il-kunċett ‘Malta Bus Reborn’ għandu l-appoġġ ta’ diversi entitajiet u stakeholders oħrajn, fosthom Malta Public Transport, Arts Council Malta, Heritage Malta, Transport Malta, Eden Leisure Group, Mizzi Organisation, Stargate Studios, Lovin Malta u Gadgets.