Is-sajjieda fl-inħawi ta’ San Ġiljan tgħoddhom fuq ponot subgħajk, iżda l-għajxien tal-ftit li hemm jiddependi ħafna fuq il-baħar u l-qabdiet waqt is-sajdiet ta’ kull għodwa.
Għaldaqstant, id-danni li sofrew fl-opri tal-baħar tagħhom wara l-grigalata ta’ disat ijiem ilu b’xita qalila u riħ b’qawwa ta’ rifnu, tfisser ħajja jew mewt.
Biswit id-dgħajsa mkissra li mliet il-ħajja tas-sajjied Joe Caruana għal dawn l-aħħar għoxrin sena – li waqgħetlu żokortu jtella’ x-xbieki u jistad, huwa spjega li r-riħ tant kien qawwi li kaxkar l-opra tal-baħar tiegħu – li tiżen xejn inqas minn tnax-il tunellata.
Joe Caruana qal “Dik id-dgħajsa għalija la żarbun ma nixtri xejn. Niddobba mingħand oħti għax dik għalija anki biex inħares lejha hemm ukoll biżżejjed dik ix-xewqa tiegħi. Hawn min għandu żiemel jew karozza, jien immur darbtejn nistad biha. Dik titla ġo fiha għandha kollox television, toilet, fejn issajjar, dak il-hobby tiegħi.”
Peter Vella, sajjied ieħor li għomru u żmienu jistad, qal li d-dgħajsa tiegħu tellagħha mill-baħar is-Sibt minħabba li kien imbassar li l-baħar se jkun imqalleb.
Kmieni l-Ħadd filgħodu qam jara li kollox sew, iżda bil-mewġ kbir li beda jħabbat mal-blat ftit tas-sigħat wara, qalbu ħebritu li d-dgħajsa tiegħu ma baqgħetx kif ħalliha.
Vella qal “Ġie maltemp kbir. Ħafna mewġ kbir. Ħadli d-dgħajsa. Kissirieli. Ma stajt nagħmel xejn id-dgħajsa totalment imkissra u l-oħra salvajtha għax tellajtha iktar ’il fuq imma din ma stajt nagħmel xejn iktar.”
Filwaqt li rringrazzjaw lill-ħaddiema mid-Dipartiment tat-Tindif li naddfu l-madwar u ħadu ħsiebhom sal-aħħar, fissru kemm huwa importanti l-kumpens li l-Gvern se jagħti lis-sajjieda.
Peter Vella spjega “Nieħu pjaċir li l-Gvern ħa jgħinna għax aħna bħala part-time fisherman għandna ħafna spejjeż oħra ta’ mainentance tad-dgħajjes. Did-dgħajsa hija tender biex nitla fuq il-luzzu u nkella jkolli nixtri dgħajsa oħra.”
Joe Caruana qal “Bħala sajjied qatt ma ħadd xejn u did-darba ħa jagħtini tal-ħsara u nibqa’ nirringrazzjah għal dejjem.”
Il-Kunsillier Laburista Martin Sultana spjega li l-akbar problema fil-bajja pittoreska ta’ San Ġiljan hija li l-Grigal li jagħmel ikisser mhux biss l-opri tal-baħar tas-sajjieda, iżda wkoll il-madwar fosthom stabbilimenti u l-pitch tal-waterpolo.
Martin Sultana qal “Ejja naraw kif nagħmlu breakwater biex jaqta’ dal-maltemp kollu ħalli ma jerġax ikollna kull darba dal-ħsarat kollha li jgħerreq stabbilimenti kbar, nies spiċċaw bla dawl, ġebel fit-triq, nies li pperikolaw ħajjithom, dak huwa s-suġġeriment li naħseb li nistgħu b’xi mod naslu għalih.”