Il-pandemija tal-COVID-19 qed taffettwa lill-bnedmin b’modi differenti. Hemm min qed jaħdem iktar, min jiekol iktar, min ferħan għax skopra ċertu valuri li kien tilef, u min imdejjaq għax spiċċa waħdu.
Il-Professur tas-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta Godfrey Baldacchino spjega li qed ngħixu realtà li se twassal għal bidliet fl-imġieba tagħna b’mod permanenti.
Huwa spjega: “Qisna qed ngħixu ħolma, qed nistennewha li tispiċċa ħalli nqumu imma fil-fatt, dil-ħolma hija realtà. Din hija sitwazzjoni li ilha għaddejja minn fuqna diversi ġimgħat, u iktar ma ddum iktar se twassal għal bidliet fl-imġieba tagħna b’mod permanenti meta tispiċċa.”
Spjega li l-ħajja ta’ ħafna minna tkun organizzata u regolata b’rutini, hekk kif kulħadd jgħix bil-mod li bih jippreferi.
Iżda din ir-rutina nbidlet, u għandna aktar ħin biex nagħmlu dak li nħobbu u nikkonċentraw aktar fuq dak li huwa importanti.
Il-Professur Godfrey Baldacchino sostna: “Biex nieħdu eżempju, f’ġurnata normali tax-xogħol, ħafna minna jqumu filgħodu, jippreparaw kolazzjon, jinħaslu, jilbsu u jmorru għax-xogħol. Illum dik il-ħajja, għal diversi minna, dawk li qed jaħdmu mid-dar, spiċċat. Allura rridu noħolqu rutina differenti li hija importanti għaliex tagħtina bażi biex norganizzaw ħajjitna.”
Huwa spjega li bħalissa qegħdin: jew inħassru attivitajiet li ma jistgħux isiru, jew nipposponuhom bit-tama li dak li nixtiequ nagħmluh xorta, jew nibdlu kompletament u nkunu kreattivi.
“Qed noħolqu riċetti differenti, qegħdin nippreparaw affarijiet differenti, qegħdin nilagħbu b’modi differenti ma’ uliedna, sforz is-sitwazzjoni li ninsabu fiha msakkrin fl-erba’ ħitan tad-dar. Hija sitwazzjoni li toħloq ħafna stress u r-risposta għall-istress hija li tkun kreattiv u tipprova toħloq dinja aħjar, dinja differenti”, kompla jispjega Prof. Godfrey Baldacchino.
Il-Professur spjega li l-impatt tat-teknoloġija bħalissa, se jħalli bidla kbira f’ħajjitna ġaladarba tgħaddi l-pandemija.
Pandemija li matulha qegħdin nirrealizzaw li għakemm imsakkrin fi djarna, xorta nafu x’qed jiġri madwarna u nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet online, fosthom nordnaw l-ikel, naħdmu, u nitgħallmu.
Qal li hija ironija li biex ningħaqdu flimkien, irridu noqgħodu ’l bogħod minn xulxin, u jemmen li dan kollu se jwassal biex napprezaw aktar il-kuntatt ma’ xulxin.
Prof. Godfrey Baldacchino temm jgħid: “Meta tgħaddi l-pandemija, naħseb se napprezzaw ħafna iktar l-opportunitajiet li se jkollna biex noħorġu, niltaqgħu ma’ ħaddieħor, niltaqgħu mal-membri tal-familja, niltaqgħu mal-ħbieb u ngħożżu dik il-kumpanija.”