Beda l-proċess biex il-ħġieġ li jinġabar kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar ikun nadif u ma jiġix ikkontaminat.
Dan billi qed jiġu sfurzati regoli li ilhom japplikaw biex il-ħġieġ jasal għal il-WasteServ nadif biex ikun jista’ jiġi rriċiklat sew.
Huwa għalhekk illi l-kumpaniji GreenPAK u GreenMT li jiġbru l-ħġieġ flimkien mal-Kunsilli Lokali, nedew sistemi biex jiżguraw li l-ħġieġ jinġabar u ma jiġix ikkontaminat waqt il-ġbir.
Is-Sindku tal-Mosta, waħda mill-akbar lokalitajiet f’Malta, qalet li l-Kunsill qed iħeġġeġ lir-residenti biex joħorġu l-ħġieġ u l-iskart tal-ħġieġ fil-kontenituri tal-plastik mogħtija mill-WasteServ.
Hija spjegat: “Wara diversi diskussjonijiet irnexxielna li mhux biss niġbru dawk imma għall-bidu sakemm ukoll ikun hemm din it-transizzjoni aħna nkomplu niġbru wkoll l-iskart tal-ħġieġ minn ġol kaxxi. U hekk għamilna fil-lokalità, il-lokalità tagħna tal-Mosta ma kelliex ħġieġ li tħalla wara. Kellna wkoll diskussjonijiet anke mal-kuntrattur biex stajna nwettqu dan fejn aħna kellna l-iscammels li kienu għaddejjin bid-diviżorji; fejn waqt li kienu qegħdin jiġbru l-ħġieġ bdew jitfgħu l-ħġieġ fuq in-naħa l-oħra bdew jitfgħu ukoll il-kaxxi tal-kartun.”
Il-WasteServ flimkien mal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali ħa jkunu qed jiġbru dan il-ħġieġ sabiex ma jkun hemm l-ebda inkonvenjent fuq il-familji u dan jiġi riċiklat, u fl-istess ħin ser jitkomplew ukoll kampanji edukattivi biex il-ħidma ambjentali tal-pajjiż tkompli titjieb.