F’temp ta’ għaxar snin, Charles kellu jiġġieled l-istess marda darbtejn.
Il-Lymphoma. Eżatt kif irtira mix-xogħol Charles ftit li xejn sab il-ħin għall-mistrieħ għaliex il-marda tal-Lymphoma kienet reġgħet tfaċċat.
Minkejja li kien diġà għadda minn din l-esperjenza, hu spjegalna li din id-darba, kienet aktar kiefra.
“Inqalgħuli ħafna kumplikazzjonijiet. M’għandhiex x’taqsam mal-ewwel waħda. Kont muġugħ iktar, bdilt il-ġilda tiegħi darbtejn f’xahar għax biex tgħaxxaqha mhux talli kelli dik il-problema kelli problema tal-ġilda u mhux faċli.”
Kellu jitla’ l-Ingilterra għal xahrejn. Spiċċa dam ħames xhur u nofs minħabba l-intoppi li nqalgħulu marbuta ma’ saħħtu fejn saħansitra qalilna li jibla’ madwar erbgħin pillola kuljum.
Martu Frances, li akkumpanjatu f’Londra, tgħidilna li saħansitra kien hemm perjodu fejn Charles tilef għalkollox il-memorja tiegħu.
“Ċempilli messenger, u narah bil-flokk bla flokk ta’ taħt u għidtlu Charl, kif qiegħed b’żaqqek barra, qalli “għax m’għandix ħwejjeġ”, għidtlu m’għandekx ħwejjeġ, kien hemm il-cabinet mimli ħwejjeġ. Qalli, “għax ippakkjajt kollox”, għidtlu ppakkjajt kollox għalfejn, qalli “ħa niġi d-dar.” Għidtlu imma int it-tabib għadu ma lliċenzjakx, għidtlu hemmhekk għadek.”
Frances hija infermiera li dewwiet diversi pazjenti tul il-karriera tagħha iżda għal dan il-pazjent partikolari ma setgħetx tagħmel wisq.
“Jien il-pazjenti kollha nħobb u nirrispettahom u fejn nista’ ngħinhom pero meta tkun tiegħek hija differenti. Ċerti affarijiet mis-sitwazzjonijiet li għadda ma stajtx ngħinu kif xtaqt.”
Il-mard mhux biss jaffettwa lill-pazjent iżda għandu impatt ukoll fuq dawk li jgħixu l-vjaġġ magħhom.
“Fi żminijiet minnhom qisek ħa tikkrolla, bħal bomba taqa’ fuqek imma imbagħad meta tibda tarah qisu qed jirkupra bil-mod, trid tagħmel kuraġġ, ma tridx taqta’ qalbek. Ikun hemm ta’ żmien fejn mhux qtajt qalbi imma għidt mhux ħa jagħmilha, pero jekk ma tagħmilx sforz u terġa’ tqum fuq saqajk, inti trid tagħmillu kuraġġ.”
Wara diversi testijiet li wrew riżultati pożittivi u li rebaħ fuq il-marda, f’jum il-Kunċizzjoni, Charles irritorna Malta fejn bil-mod il-mod qed jieħu saħħtu lura.
Saqsejnieh x’fissret għalih id-daqqa t’id li tat lilu u lill-familtu l-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
“Inberikha jien. Anki ġew hemmhekk, il-President u s-Sinjura tiegħu, ġew għamlu siegħa u nofs. L-iktar ġurnata li damu naħseb hemmhekk. Peress li l-President joqgħod iż-Żejtun, fejn kont noqgħod jien, kien it-Tabib tiegħi, anki bdejna nitkellmu biż-Żejtuni, ħadna pjaċir. T’għajnuna kbira u min ma jagħtix veru jiddispjaċih għax xi darba ħa tiġi bżonn żgur.”
Qabel temmejna l-intervista tagħna, il-koppja esprimew il-ferħ tagħhom hekk kif issa jistgħu jgawdu l-Milied mal-għeżeż qraba tagħhom fosthom in-neputijiet li ta’ kuljum kienu jistaqsu għan-nannu Charles, li llum jappella biex nagħtu li nistgħu għall-Istrina.