‘Rajt u Smajt’ hija propju kanzunetta ġdida mill-band lokali, ToNation. Din il-kanzunetta li hija xogħol il-membri tal-grupp, Craig Saliba, Brad Cardona u Julian Mamo, tingħaqad m’għadd ta’ kanzunetti oħra fir-repertorju vast tagħhom. Il-membri ta’ ToNation sabu l-inspirazzjoni tagħhom fil-ġenn sfrenat kkawżat mis-soċjetà mgħaġġla li ninsabu fiha. Id-diska titratta l-ġenn, l-isfruttar u l-isforz illi l-individwu jħoss sabiex jilħaq il-potenzjal tiegħu fl-iqsar żmien. Fil-vidjo mużikali li jakkumpanja din il-kanzunetta ġdida, wieħed jista jinnota d-diversi effetti u viżwali li l-grupp uża sabiex jesprimi dan il-kaos u stat ta’ kakafonija tal-ħajja hekk mgħaġġla tal-lum.
ToNation, huwa grupp mużikali magħmul minn tlett żgħażagħ, fejn jikkomunikaw mas-semmiegħa tagħhom permezz tal-mużika li jiktbu u jipproduċu huma stess. L-għan tal-grupp huwa illi jibni relazzjoni b’saħħitha mas-semmiegħa tiegħu li għadhom qed isibu l-identita’ tagħhom u posthom fis- soċjeta tal-lum. Dawn il-mużiċisti żgħażagħ jwarrbu n-normi soċjali fil-ġenb u jsibu mezzi oriġinali sabiex jesprimu l-kreattività tagħhom u dak kollu li jinnottaw madwarhom minn perspettiva artistika. B’kuntrast minn gruppi mużikali oħra, ToNation jilħqu l-udjenza tagħhom billi jwarrbu fil-ġenb il-metodi tradizzjoni u jsibu mezzi differenti biex jesprimu l-kreatività tagħhom.
‘Rajt u Smajt’ żgur mhix l-aħħar kanzunetta għal dan il-grupp żgħażugħ. Hemm diversi kanzunetti ġodda li huma skedati għall-futur, fejn huma konvinti illi jagħtu gost lis-semmiegħa tagħhom f’dan il-vjaġġ mużikali tagħhom.