F’Raħal Ġdid inxtehelu d-dwal tat-toroq fl-ispirtu tal-Milied. Fiż-żmien li kulħadd jaħseb f’ħaddieħor, bix-xieraq li tnediet l-inizjattiva Rigal b’Imħabba f’dan ir-raħal ukoll.
Kif spjegat Dr Lydia Abela, mart il-Prim Ministru, din hija t-tielet sena konsekuttiva tal-inizjattiva Rigal b’Imħabba, li għandha l-għan li jinġabru rigali tal-Milied għal tfal li l-familji tagħhom jew dawk li jieħdu ħsiebhom ma jistgħux jixtrulhom rigal tal-Milied.
Il-ħsieb hu li mar-rigali li se jixtru għall-familji tagħhom, jinvestu f’rigal ieħor, għal tfal li għandhom sa tnax-il sena. Filwaqt li fi snin preċedenti l-appell kien biex dawn ir-rigali jitħallew taħt is-siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja, minn din is-sena, qed jipparteċipaw il-Kunsilli Lokali ta’ kull lokalità, billi qed jistiednu lir-residenti ta’ dak il-post iħallu rigali taħt siġra fil-lokalità. Nhar il-21 ta’ Diċembru, ir-rigali kollha jittieħdu fi Pjazza Kastilja.
“Raħal ġdid huwa wieħed mil-lokalitajita li jkun fuq quddiem nett biex f’dawn iż-żminijiet iferraħ lir-residenti bl-attivitajiet li jorganizza u bl-ilbies ġdid li jagħti lit-toroq tiegħu,” qalet is- Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
Segwi parti mill-briju hawn u ipparteċipa f’din l-inizjattiva, biex f’pajjiżna ma nħallux tfal mingħajr il-ferħ ta’ rigal f’dawn il-jiem sbieħ tas-sena.
Ftit tal-ħin ilu, Dr Abela ħabbret li din is-sena kien hemm talba speċifika minn donatur bħala parti mill-inizjattiva Rigal bi Imħabba, li xtaq li r-rigali tiegħu jmorru għal pazjenti li qegħdin jingħataw il-kura fl-Ingilterra.
“Waqt żjara li għamilt lil dawn il-persuni fl-Ingilterra, stajt napprezza aktar it-tbissima li dan il-ġest ħalla mhux biss fuq il-pazjenti iżda anke fuq fomm l-għeżież tagħhom. Huwa dan l-ispirtu ta’ din l-inizjattiva.” qalet Dr Abela.