Jinsab fi stadju avvanzat u dalwaqt ikun lest ir-restawr li qed isir fuq barra tal-kappella tal-akbar ċimiterju f’pajjiżna; dak tal-Addolorata.
L-ewwel pjanti ta’ din il-kappella jmorru lura għall-1862 u ċ-ċimiterju ġie inawgurat fl-1869 biex tliet snin wara, saret l-ewwel difna.
Tul is-snin, din il-kappella ta’ stil neogotiku ġarrbet diversi ħsarat u issa r-restawr ilu għaddej għal dawn l-aħħar sentejn u jinsab fi stadju avvanzat ħafna.
Waqt żjara li għamel id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne ġie spjegat kif l-istil uniku tal-istruttura tal-kappella ppreżenta diversi sfidi.
Fil-fatt, il-Perit Hermann Bonnici spjega kif il-ġebel tal-kappella huwa differenti u anki s-soqfa huma tal-injam miksija biż-żingu.
Qal, “Iż-żingu qiegħed jinqala’, jitnaddaf, u qed nużaw is-sistemi oriġinali biex nerġgħu nwaħħlu u nreġġgħu lura s-saqaf taż-żingu għal dak li kien. Sfortunatament, matul is-snin saritlu ħafna ħsara u fil-fatt kien jidħol ħafna ilma li joħloq ħafna ħsara f’partijiet oħra tal-istruttura allura dawn huma affarijiet li aħna qegħdin nindirizzaw.”
Bl-istess mod, l-interventi fuq ġewwa wkoll qed jiffukaw fuq is-saqaf, li huwa tal-injam miksi bil-ġibs li ddeterjora minħabba li daħal l-ilma.
Dawn l-elementi jagħmluha binja unika li magħhom ġabu diversi sfidi.
Qal, “L-isfidi kienu ħafna. Waħda minħabba d-daqs tagħha, l-għoli tagħha, kif inhi mibnija, anki s-saqaf biex tarma u titla’ u taċċessa dawn il-postijiet ma kienx faċli u wkoll minħabba li t-tip ta’ kostruzzjoni huwa tip uniku għal dawn il-gżejjer allura ridna nirriċerkaw il-metodu ta’ kif din inbniet ħalli aħna nifhmu wkoll liem huma dawk problematiċi, fejn qed issir il-ħsara, biex inkunu nistgħu nindirizzawhom.”
Il-proċess kollu, inkluż qabel beda u issa li għaddej ix-xogħol tar-restawr, qed jiġi dokumentat.
Qal, “Id-dokumentazzjoni, hawnhekk qegħdin nagħmlu surveys li nużaw numru ta’ ritratti li mbagħad ngħaqqduhom flimkien b’software apposta u surveys apposta li mbagħad minnhom noħorġu l-pjanti li fuqhom nimmarkaw id-deterjorazzjoni li għandna. Abbażi ta’ dak il-mapping, tad-deterjorazzjoni li nsibu, aħna qed nippjanaw ukoll l-interventi li jridu jsiru.”
B’dan il-proċess dokumentat, ta’ warajna jkunu jafu x’kien hemm qabel u x’interventi saru, biex tkun iffaċilitata l-ħidma xjentifika aktar fil-futur.