Sigħat wara t-tħabbira tal-mewt tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni, id-dinja għadha mixgħula b’reazzjonijiet differenti għal dan l-iżvilupp storiku. ONE News żar il-lokalitajiet tal-Belt Valletta u tas-Sliema u ħa r-reazzjonijiet ta’ diversi Maltin u turisti mir-Renju Unit.
B’mod speċjali fil-pajjiżi tal-Commonwealth, fosthom Malta, bosta jinsabu mnikkta b’din it-telfa. Ir-Reġina kellha rabta qawwija ma’ pajjiżna għax għexet hawn għal xi snin. Barra minn hekk, Malta kienet l-aħħar pajjiż li żaret barra r-Renju Unit qabel mietet.
F’kumment ma’ ONE News, turista Brittanika stqarret li hija xi ħaġa sabiħa li tinsab f’Malta f’ dawn iż-żminijiet, għaliex ir-Reġina kellha stima għolja lejn pajjiżna. Oħrajn ikkumentaw dwar iż-żmien li din għexet f’Malta u kif din kienet titħallat mal-poplu.
Bosta esprimew id-dispjaċir tagħhom dwar din it-telfa, tant li ddiskrivewha bħala “The end of an era”. Oħrajn dehru viżibilment emozzjonali.
Xi turisti Brittaniċi awguraw lir-Re Karlu t-tielet għall-ħatra tiegħu filwaqt li ddominat il-frażi “God Save the King”.
Iżda r-reazzjonijiet għal din il-ħatra mhumiex biss pożittivi.
“I hope to God that they don’t put Charles in, because I’ll be very upset.”
Minkejja r-reazzjonijiet differenti li ġabet magħha din l-aħbar, is-sentiment huwa wieħed komuni: dik ta’ diqa u dispjaċir għat-telfa tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni.
“Truly lovely lady, truly and obviously, the whole country is in mourning”.
Ritratt: The Royal Family