Il-Prim Ministru Robert Abela bagħat messaġġ ċar kif mhuwiex aċċettabbli li anki quddiem xogħol tajjeb mill-pulizija, ikollok sentenzi tal-Qrati li huma miti, jiġifieri ħfief wisq quddiem il-gravità tal-każijiet.
Il-Prim Ministru ta tweġibiet ċari għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fejn mingħajr ma kkummenta fuq każijiet speċifiċi, anki fosthom inċident fil-Belt Valletta li seħħ mingħajr provokazzjoni.
Il-Prim Ministru spjega kif filwaqt li l-preżenza tal-pulizija tkompli tiżdied, b’mod skjett tkellem dwar kif il-Qrati għandhom parametri fix-xorta ta’ piena.
“Il-messaġġ tiegħi lill-Qrati huwa biex taraw jekk is-sentenzi humiex qegħdin jirriflettu aġir li qed iseħħ fis-soċjetà u jekk għandniex inħarsu lejn sentenzi li jibagħtu aktar messaġġ li ċertu qżież mhuwiex aċċettabbli”, qal Dr Abela.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq allokazzjoni akbar ta’ riżorsi li ta l-Gvern lill-Qrati u spjega kif din tista’ tintuża għall-amministrar aħjar tal-ġustizzja, fosthom billi saqsa jekk hux aċċettabbli li fir-realtajiet tal-lum il-Qorti tkun vojta mis-siegħa ta’ waranofsinhar ’il quddiem.
Dan qalu f’kuntest ta’ bżonn ta’ aktar awli filwaqt li fehem li l-ġudikanti għandhom xogħol ieħor fosthom kitbiet tas-sentenzi.
Il-Prim Ministru rrefera għal mewt tat-Torka fil-Gżira fejn reġa’ rringrazzja lill-Korp tal-Pulizija għall-azzjonijiet immedjati u filwaqt li ma tkellimx dwar il-każ innifsu biex ma jippreġudikax il-proċeduri li għaddejin, spjega kif min mhuwiex kapaċi jgħix b’mod diċenti f’soċjetà u jfixkel is-sens ta’ sigurtà, hemmhekk il-Qrati jridu jibagħtu messaġġ ċar.
Tista’ ssegwi hawnhekk b’mod sħiħ ir-risposti li l-Prim Ministru ta għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dalgħodu.