Erbat ijiem wara l-mewta traġika tiegħu, Leli Grech magħruf ma’ ħafna bħala l-Pejsa, is-Sibt filgħodu ngħata l-aħħar tislima fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan.
Iċ-ċelebrant ewlieni tal-funeral, Dun Ġwann Galea, li kien ukoll qrib ħafna l-familja Grech, faħħar bis-sħiħ il-ħidma ta’ Leli f’din id-dinja, fejn qal li Alla żejjen lil ħajtu b’ħafna doni, fosthom l-għaqda li kien iżomm fil-familja:
“Kunu dejjem preparati, qalilna Ġesù, għax ma tafux la l-jum u lanqas is-siegħa meta se nseħilkom. U l-każ ta’ Leli huwa propju eżempju ċar ta’ dak li qalilna Ġesù. Ma tafux, la l-jum, la s-siegħa, u lanqas iċ-ċirkostanzi”.
Leli, li kellu 65 sena u kien joqogħod Ħaż-Żebbuġ, tilef ħajtu b’mod traġiku t-Tlieta filgħodu wara li waqa’ żewġ sulari waqt xi xogħol tat-tqegħid ta’ madum li kien qed jagħmel ma’ ibnu f’kumpless tax-xiri fil-Ħamrun.