Ħal Qormi se jkun qed igawdi minn proġett ta’ tisbiħ f’waħda mill-pjazez ewlenin tal-lokalità. Kif wieħed jista’ jara mill-viżwali, dan il-proġett se jkun qed jikkumplimenta ix-xogħol ta’ restawr li sar fuq il-Knisja l-antika ta’ San Sebastjan. Ladarba jitlesta, dan il-proġett se jkun qed jagħmel il-Knisja u l-bankina aktar aċċessibbli.
Is-sindku tal-lokal, Rosianne Cutajar spjegat li f’dawn l-aħħar ħames snin, il-Kunsill Lokali Ħal Qormi għamel b’aktar minn miljun ewro f’ xogħol strutturali fil-lokalità.
Ammont sostanzjali ta’ proġetti saru permezz ta’ iffinanzjar alternattiv. Fil-fatt dan il-proġett, bħal dak li sar fi Triq San Pietru, se jkun iffinanzjat mill-Fond għall-iżvilupp urban u se jlaħħaq il-valur ta’ €130,000.
Dan il-proġett se jinbeda wara l-festa ta’ San Sebastjan, hekk kif il-pjazza tinsab fi Triq Ewlenija, jiġifieri fis-17 ta’ Lulju 2017 u se jkun qed jitlesta qabel l-attività annwali li ssir f’Ħal Qormi Casal Fornaro fis-17 ta’ Ottubru. Ix-xogħol se jsir f’partijiet biex it-traffiku jiġi affetwat mill-inqas.