Bħalissa fl-Imġarr Għawdex għaddejja ħidma mill-Gvern li se tkun qed twassal f’titjib sostanzjali fiż-żona tal-irmiġġi tas-sajjieda f’dan il-port.
F’konferenza tal-aħbarijiet waqt il-lant tax-xogħol ġie spjegat kif bis-saħħa ta’ dan il-proġett se jkunu qed jiġu indirizzati sfidi eżistenti minħabba nuqqas ta’ spazju li hemm f’dan il-port.
Bħalissa fil-Port tal-Imġarr Għawdex għaddej proġett ta’ sitt miljun ewro li se jwassal għal faċilitajiet ta’ rmiġġ aħjar f’dan il-Port.
Il-proġett se jinkludi l-bini mill-ġdid tal-mollijiet ta’ din iż-żona sabiex magħhom jitwaħħlu puntuni ġodda għal aċċessibilità aħjar, aktar sigurtà u madwar 90 post ġdid għall-irmiġġ tad-dgħajjes ta’ sajjieda li ilhom snin twal jistennew dan l-ispazju.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega li apparti dawn il-benefiċċji, dan il-proġett se jwassal ukoll għal organizzazzjoni aħjar għaż-żona tal-port kif ukoll titjib estetiku, u li dawn il-benefiċċji se jkunu qed jilħqu firxa aktar wiesgħa ta’ nies, hekk kif dan il-port jiġi wkoll iffrekkwentat minn bosta residenti u turisti fil-ħin liberu.
Il-Ministru Borg qal li l-Gvern qed jara kif se jkompli jsaħħaħ l-assi tal-pajjiż u li jara kif jilħaq is-setturi kollha bil-ħidma li jwettaq.
Huwa qal ukoll li b’dan il-proġett se jkun hemm ukoll gwadann ambjentali hekk kif se jsiru wkoll faċilitajiet ġodda għas-separazzjoni tal-iskart li jiġi ġġenerat mill-ħidma tas-sajjieda.
Il-Ministru Ian Borg fakkar li din mhijiex l-uniku ħidma tal-Ministeru. Dalwaqt se tibda ħidma fuq il-mollijiet f’Imġarr ix-Xini u fil-Bajja ta’ Santa Marija f’Kemmuna, u l-ħidma fuq infrastruttura marittima għaddejja bis-sħiħ f’Malta wkoll.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-proġett tar-riorganizzazzjoni tal-Port tal-Imġarr filfatt hija wegħda fil-Manifest Elettorali u spjegat kif bis-saħħa ta’ dan il-proġett, mhux biss se jiżdiedu l-faċilitajiet fil-Port tal-Imġarr imma huwa wkoll parti minn proġett ikbar biex jiġu indirizzati l-isfidi li fih dan il-post, li llum il-ġurnata sar żgħir wisq għall-bżonnijiet ta’ Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia qal li dan l-investiment huwa biss wieħed mill-inizjattivi li l-Gvern qed iniedi għall-benefiċċju tas-sajjieda permezz ta’ fondi Ewropej.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd qal li l-iżjed li se jibbenefikaw minn dan il-proġett importanti se jkunu s-sajjieda għaliex se jkunu qed jitjiebu l-faċilitajiet tagħhom.