Id-Dwana interċettat kontejner ieħor ġej mill-Kanada fi triqtu lejn il-Kuwajt b’żewġ vetturi misruqa.
Dan wara li l-istess dipartiment intensifika l-ħidma tiegħu f’dan ir-rigward hekk kif fl-aħħar jiem inqabdu mat-tmienja u tmenin karozza misruqa mill-Kanada b’ħafna minnhom jiġu interċettati fil-Port Ħieles ta’ Malta.
Fil-fatt, ONE News segwa mill-qrib il-ftuħ tal-kontejner li issa qed jiġi investigat kemm mill-Pulizija Maltija u anke dik Kanadiża.
ONE News żar it-taqsima tad-Dwana fil-Port Ħieles fejn hemmhekk iltaqa’ mal-Kap tal-Operat George Agius.
Agius spjega mill-bidu sal-aħħar il-proċess li jgħaddi minnu kontejner malli jidħol fil-Port Ħieles.
Huwa beda billi spjega li malli jinqabdu affarijiet illeċti b’mod regolari minn pajjiż partikolari bħal ma’ ġara f’dan il-każ, fejn numru ta’ karozzi misruqa instabu ġejjin mill-Kanada, jibdew jiġu skrutinizzati aktar kontejners ġejjin minn dak il-pajjiż.
Agius stqarr: “Komplejna nfittxu permezz tal-analiżi tar-riskju permezz tas-sezzjonijiet tagħna speċjalizzati f’dan ix-xogħol ta’ moniteraġġ tal-kontejners kif ukoll tal-iscanning u flimkien wasalna għal totall ta’ 24 kontejner, 42 vettura misruqin iddikjarati mill-awtoritjiet Kanadiżi li kienu qed jiġu in transit fil-Port Ħieles ta’ Malta tagħna.”
Fil-fatt, is-Sur Agius spjega li kruċjali biex dawn jinqabdu huwa scanner avvanzat li jieħu ritratt ċar ta’ x’hemm ġewwa l-kontejner qabel dan jinfetaħ mill-uffiċjali tad-Dwana.
Dan biex l-ewwel nett jassiguraw li ma hemm l-ebda affarijiet ta’ periklu fih filwaqt li jqabblu l-affarijiet ġewwa fih ma’ dak li huwa ddikjarat.
Minn hemmhekk l-uffiċjali tad-Dwana proċedew billi qatgħu s-siġill tal-kontejner li fih kien hemm il-vetturi misruqa.
Finalment infetħu l-bibien u ma’ wiċċna sibna żewġ vannijiet tal-għamla Ford F150, biex b’hekk issa n-numru ta’ vetturi misruqa li nqabdu fil-Port Ħieles ta’ Malta telgħu għal 44.
Agius sostna: “Hemmhekk kif rajna hemm żewġ vetturi, b’żewġ numri ta’ identifikazzjoni. Issa aħna mill-ivestigazzjoni u l-koperazzjoni internazzjonali li teżisti fid-dinja ta’ llum globalizzata. Id-dinja saret villaġġ wieħed aħna jkollna riżultati mill-awtoritajiet Kanadiżi. Għax fil-fatt dan il-kontejner ġej mill-Kanada u sejjer fl-istess rotta li sibna fil-kontejners l-oħrajn ta’ qabel.”
Grazzi għal dan il-proċess ta’ skrutinju effettiv, il-ħidma tad-Dipartiment tad-Dwana u anke tal-Pulizija Maltija fl-aħħar jiem irċeviet ukoll rikonoxximent mill-Pulizija reġjonali ta’ York fil-Kanada.
Fil-fatt, il-Pulizija Kanadiża qalet li rnexxielha tarresta disa’ persuni li kienu involuti f’dan is-serq ta’ karozzi, li mbagħad jittieħdu barra mill-pajjiż u jinbiegħu. Tliet persuni minnhom kienu arrestati f’Quebec u nħarġu tlieta u ħamsin akkuża.