Matul l-2017, is-Central Sterile Services Department fl-Isptar Mater Dei sterilizza aktar minn 70,000 sett ta’ għodod li jintużaw waqt l-operazzjonijiet. Medja ta’ 194 kuljum.
Dan filwaqt li wettaq l-istess proċess fuq aktar minn 200,0000 għodda oħra farrada.
Dawn huma ċifri li ONE News kiseb mingħand il-manager tad-Dipartiment – magħruf bħala s-CSSD, li fih isir proċess kruċjali biex jitnaddfu u jiġu sterilizzati l-għodod u strumenti li jintużaw waqt operazzjoni.
Id-Dipartiment jinqasam fi tliet sezzjonijiet. L-ewwel parti hija d-dirty reception area fejn fiha jidħlu trolleys bl-għodda maħmuġin mit-teatru, u jitnaddfu.
Fil-packing area l-għodod li jkunu għadhom kemm ġew diżinfettati, jiġu spezzjonati u ċċekkjati biex imbagħad jitpoġġew f’settijiet.
Minn hemmhekk jgħaddu għaż-żona fejn jiġu sterilizzati u li fiha jsir l-aktar proċess importanti.
F’dan il-proċess, is-settijiet jiddaħlu f’magni msejħa autoclaves u jiġu sterilizzati b’temperatura li tlaħħaq il-134 grad celcius. Proċess li jieħu madwar siegħa u nofs, u li permezz tiegħu jinqatel kull mikrobu li seta’ kien hemm fuq dawn l-għodod mill-operazzjoni.
Fil-kamra li fiha jintemm il-proċess, is-Sur Joseph Testa spjega li s-settijiet jibqgħu magħluqa u jerġgħu jinfetħu fis-sala tal-operazzjoni.
“Dan huwa l-pakkett li aħna nibagħtu fis-sala tal-operazzjoni. Nibagħtuh b’dan il-format kif inhu. Meta jmur fit-theatre jiġi ppreparat mill-infermieri li jaħdmu apposta fis-sala operatorja li jiftħuh b’mod li aħna ngħidulu sterili li jridu jippreparaw ruħhom b’mod approprijat u jiftħu s-sett.”
L-għodod li jintużaw f’operazzjonijiet li jsiru frekwenti jridu jiġu sterilizzati fi żmien erba’ sigħat. Oħrajn li jintużaw f’operazzjonijiet li ma jsirux kuljum jingħataw inqas priorità, għalkemm xorta jitlestew fi żmien adekwat.
“F’perjodu ta’ ġurnata, ta’ 24 hours, dawn ikunu lesti jiġifieri jekk intużaw għall-operation illum jerġgħu jkunu lesta għall-operation t’għada jew tal-pitgħada”, spjega Testa.
Il-Kap tat-Taqsima tal-Infezzjonijiet f’Mater Dei, il-Professur Michael Borg, spjega l-għan wara dan il-proċess – li jsir b’dedikazzjoni bla preċedent ta’ madwar sebgħin professjonist.
“Ir-raġuni li aħna nagħmlu dan il-proċess kumpless huwa biex inkunu ċerti li l-istrumenti li aħna nagħtu lill-kirurgi biex joperaw fuq il-pazjenti jkunu kompletament safe. Meta qed ngħidu safe jiġifieri li dawk l-istrumenti ma jkollhom l-ebda mikrobu, lanqas wieħed, li jista’ jidħol fil-ferita tal-pazjent waqt li qed jiġi operat u Allaħaresqatt jikkawża infezzjoni.”