Minn girna fix-xagħri, bil-gabillott jistrieħ fuq ġebla, iħaddan kelb f’ħoġru għad-dell tas-siġra, wara jum ta’ ħidma sat-Torri l-Aħmar tal-Mellieħa, donnu qed jgħasses ġmiel il-pajsaġġ Malti ta’ taħtu.
Jiddominaw fuq il-bejt, fuq dan il-wirt storiku fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, hemm il-kanuni mqiegħda hemm kontra l-għadu. Ma jonqosx l-għassies bis-Salib ta’ Malta fuq sidru, tistħajlu kavallier, b’rasu mistrieħa li mhemm l-ebda xkiel fl-inħawi, jitkellem ma’ bidwi li mid-dehra qed joffrilu frott l-għaraq ta’ xbinu.
Ma jonqsux il-pasturi bil-kostumi tipiċi tradizzjonali Maltin tal-imgħoddi. Il-bejjiegħ tal-ħalib, jaħleb il-mogħża, filwaqt li biswitu mara tal-familja, donna tiġġebbed fil-prezz. Ma jonqosx raħħal jaħdem il-qasab, b’qoffa għadha mhux lesta f’idu, bil-karettun lest għat-tagħbija fil-qrib.
Qalb il-ħitan tas-sejjieħ, tiddomina l-bajtra tax-xewk bir-raħħal jagħżel l-isbaħ bajtra u fl-isfond żewġt irġiel jiddiskutu. Il-mara mgħaġġla bl-għonnella għaddejja bil-qadi tal-ġurnata u warajha xwejjaħ qalb l-għollieq b’merħla nagħaġ jirgħu fil-qrib.
Quddiem l-għar, bħal qisu, jinstemgħu l-ħsejjes taż-żafżafa u d-daqq tad-daqqaqa, bix-xabbatur jitħajjar jittawwal biex jara aħjar wild Ġuzeppi u Marija fil-kesħa u l-umdità.
Dan hu wieħed mill-presepji li ħadem b’tant għożża Joseph Cassar, li sibnieh għaddej fuq presepju ieħor. Tgħarrfilna li ħadlu ’l fuq minn tliet xhur biex lestieh. Qalilna li jippreferi li jaħdem bil-ġablo u l-kartapesta, waqt li spjegalna l-proċess ta’ kif inħadem.
“Dak il-presepju, kieku ngħidlek kemm-il darba, tlajt il-Mellieħa, niġbed ir-ritratti, min qed jismagħni mill-ħbieb tiegħi, ġieli jkunu ’l hawn, jiġu jarawni, jgħinuni naqra, jagħmlu t-tissues, fuq ix-xogħol tal-presepju, għax ikolli mmur biex niġbed ritratti, ħdimtu fuq l-inqas dettall, imma sodisfatt bix-xogħol li għamilt.”
Ma naqasx li jħeġġeġ lil dawk li qed jitħajru biex jibdew jaħdmu f’din l-arti.
“Jien inħeġġeġ liż-żgħar li telgħin illum, biex it-tradizzjoni ma tispiċċax. Fil-fatt is-sajf li ġej, għandi qassis ħabib tiegħi, li qalli biex jiġbor lit-tfal tar-raħal biex jgħallimhom, forsi mmur ngħallimhom crafts u hekk, biex ma tispiċċax din it-tradizzjoni.”