Presepju li juri li l-bambin twieled fostna u għandu idejħ miftuħa għal kulħadd.
Hekk qalulna l-artist Jesmond Micallef u l-presepist Noel Vidal, dwar presepju ġdid li qed jikkumplimenta l-knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat f’dawn iż-żminijiet ta’festi, u li ħadmu fuqu huma stess.
“Għandu ħafna sinifikat, kif qed taraw għandu l-bieb quddiem l-għar li huwa miftuħ għal kulħadd, għandu partikolarità oħra, għandu dehra minn ġo l-għar li jidher il-bieb tal-Mdina, jiġifieri l-bambin qiegħed viċin tagħna. Il-bambin qiegħed ma’ qalb San Ġużepp.”
Il-presepist Noel Vidal kompla jispjegalna kif dan il-presepju fil-qalb tas-Santwarju ta’ Ġieżu, għandu elementi li jagħtu laqta partikolari għall-Ġużeppini Rabtin u jitfa’ dawl fuq l-imħabba u l-għożża tal-qaddis maħbub, San Ġużepp.
“Għandek il-fratell li jirappreżenta l-anġlu li qed jagħti l-bxara t-tajba lil kull min qed ifittex lil Ġesu Kristu li anka jirrappreżenta lilna lkoll li aħna fl-aħħar mill-aħħar responsabbli li nkunu ta’ dawl għal ħaddieħor kif ukoll għandek lil San Ġużepp li fis-skiet tiegħu, patern, ħabb, ipproteġa u għożż lil Ġesù Bambin.”
Jesmond temm jgħid li jieħu gost jara li l-interess fit-tradizzjoni tal-presepju għadha b’saħħitha u rrakontha magħna kif f’Novembru li għadda saħansitra ingħata l-opportunita’ mid-direttorat tal-Kultura sabiex jesebixxi xogħol tiegħu fl’Amerka, fejn stqarr li ġie apprezzat ferm.
“Tlajna jiena u żewġ parteċipanti oħra nesebixxu b’mod permanenti li kien għall-wiri hawnhekk u tlajna tlieta l-Amerika. Kienet esperjenza sabiħa, tlajna narmawh, faħħruna ħafna. Iridu jitgħallmu l-Amerikani kif jagħmlu l-presepju.”