Sibt il-Għid – jum sinjifikanti għall-Insara kollha.
Hawnhekk ONE News żar il-knisja parrokkjali ta’ ħaż-Żebbuġ, fejn minħabba l-pandemija kienu għaddejja preparamenti speċjali biex il-quddies ta’ filgħaxija ta’ Sibt il-Għid tittella’ b’mod virtwali.
Christmark Chircop, Rappreżentant tal-Kumitat tal-Informatika tal-Għaqda Każin Banda San Filep, spjega x-xogħol li kien jinvolvi dan kollu.
Huwa spjega: “Biex inxandru nużaw żewġ kameras li huma ta’ kwalità pjuttost għolja, anke l-livell li qed nxandru bih huwa pjuttost għal fuq it-televiżjoni biex ngħidu hekk. Għandna żewġ kameras biex nġibu x-xeni differenti mill-knisja fejn wieħed jista’ juri l-qassis u x-xeni oħra li jkunu għaddejjin u anke l-mod ta’ kif nagħmlu l-editing.”
L-Arċipriet Daniel Cardona spjega kif l-quddies għandha erba’ taqsimiet, bl-ewwel waħda tkun il-mixegħla.
Huwa qal, “Fejn Ġesù ġie ddikjarat bħala d-dawl tad-dinja fejn ukoll issir it-tħabbira tal-Għid. Dik l-ewwel parti fejn aħna wkoll ikollna fuklar żgħir fejn ikollna l-ħatab mixgħul. It-tradizzjoni qabel il-pandemija konna nagħmluha lejn il-bieb ta’ barra tal-knisja. Minħabba r-restrizzjonijiet li għandna u anke minħabba r-raġuni wkoll li se tkun live-steamed biex nikkontjenu wkoll is-sitwazzjoni ħa nagħmluha fuq l-artal l-mixegħla tad-dawl il-ġdid.”
Wara dan isir is-smigħ tal-kelma, fejn tingħad l-istorja tas-salvazzjoni kollha mill-bidu sat-tmiem.
L-Arċipriet stqarr li dan kollu kien possibbli permezz tal-għajnuna tat-taqsima tat-teknoloġija ta’ tliet każini tal-banda differenti li ssieħbu flimkien. Wieħed jista’ jsegwi l-quddiesa fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Każin Banda San Filep.