Fontanella, Kalyevic, De Assis.
Kunjomijiet li s-soltu nisimgħuhom fi tmiem il-ġimgħa fuq it-televiżjoni waqt logħba futbol tal-Kampjonat Premier Malti.
Madankollu dawk b’passjoni tal-futbol Malti issa għandhom ċ-ċans li fil-ħin ta’ mistrieħ, jilagħbu bit-tim favorit Malti tagħhom fil-logħba Pro Evolution Soccer 2020 kemm fuq il-Playstation, l-X-Box u anke l-kompjuter.
Dan grazzi għal Glenn Mizzi li ftit tax-xhur ilu embarka fuq dan il-proġett sabiex għall-ewwel darba fl-istorja tal-futbol f’pajjiżna, uċuħ Maltin issa jagħmlu parti minn din il-logħba li tintlagħab minn miljuni ta’ nies minn madwar id-dinja.
PES 2020 hija l-kompetitur dirett tal-logħba FIFA u ftit tax-xhur ilu rebħet id-drittijiet tal-kompetizzjoni EURO 2020 u kif ukoll riċentament anke dawk tat-tim ta’ Juventus.
F’intervista ma’ ONE News, Glenn spjega l-motivazzjoni wara dan il-proġett li fil-ftit jiem li ilu sar aċċessibli għall-pubbliku.
Glenn stqarr: “Jiena bniedem li nħobb il-futbol. Ġietni din l-idea li nagħmel il-league Malti wkoll u kien hemm ammont ta’ timijiet li stajt nirranġa u għidt għaliex ma nagħmilx il-league Malti. Xi ħaġa differenti li qatt ma saret u kienet ta’ suċċess kbir.”
Glenn spjegalna wkoll il-proċess wara l-wiċċ ta’ kull plejer fil-Kampjonat Premier Malti fil-logħba. Proċess twil fejn fih irid kemm jista’ jkun ixebbaħ l-uċuħ tal-plejer fil-logħba ma’ dawk fil-verità.
Dan hekk kif ma kellux riżorsi bħal kameras apposta li jaqbdu kull dettall tal-uċuħ minn kull anglu bħalma jużaw il-kumpaniji kbar li joħolqu dan il-logħob.
Glenn sostna: “Biex stajt ninqeda jien ovvjament ma kellix dawk ir-riżorsi. Kulma għamilt huwa jiġifieri użajt Facebook profiles u anke ritratti minn fuq Google sabiex stajt nirranġahom minn fuq il-Playstation u nipprova nxebbaħhom kemm nista’.”
Hekk kif il-pakkett tal-futbol Malti mhuwiex parti mill-logħba Glenn spjega kif wieħed jista’ jaċċessa il-league Malti fuq il-logħba.
“Wieħed jista jsib il-paġna fuq Facebook, il-paġna tiegħi, PES 2020 Maltese Football u l-ewwel post hija pinned post hija l-link minn fejn wieħed jista jniżżel il-league. Hemm ukoll instructions ta’ kif wieħed jista’ jinstallaħ u tista’ tniżżlu minn hemmek”, temm jgħid Glenn.