It-turisti f’Malta minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea kull ma jmur qed ikomplu jiżdiedu.
Is-suq Asjatiku huwa wieħed li pajjiżna qed jara li jkompli jattira iżjed turisti minnu hekk kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ta’ Malta daħlet fi ftehim ma’ aġenziji tal-ivvjaġar Ċiniżi biex dawn jibdew iġibu gruppi ta’ turisti f’pajjiżna.
Dan il-programm kummerċjali ġdid ta’ turiżmu qed isir ma’ aġenziji tal-ivvjaġġar li joperaw fi bliet ewlenin fiċ-Ċina bħal Beijing, Guangzhou u Shanghai.
Fi żjara li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għamlet fiċ-Ċina biex tippromovi l-prodott turisitiku Malti hija ltaqgħet ma’ aktar minn ħamsin gwida.
Flimkien ma’ Heritage Malta fost oħrajn ġiet mgħoddija bosta informazzjoni siewja u siti ta’ interess għal dawk li potenzjalment jistgħu jkunu turisit Ċiniżi f’pajjiżna.
Intant f’ċerimonja li saret ġewwa Beijing, l-Viċi-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għat-Turiżmu Carlo Micallef qal kif Malta u ċ-Ċina għandhom ħbiberija twila u li l-awtorità tixtieq tieħu ir-responsabilità li tkun il-pont li tgħaqqad iż-żewġ pajjiżi fis-settur tat-turiżmu. Qal ukoll li din il-ħidma se tiffaċilita koperazzjoni bejn l-aġenziji Ċiniżi u l-ħaddiema Maltin f’dan is-settur.