Tħabbar pjan ġdid għal erba’ mini ġodda u t-twessigħ ta’ Triq Sant Andrija biex titjieb is-sigurtà u l-effiċjenza fil-konnessjonijiet tat-toroq arterjali bejn Pembroke, San Ġiljan u lokalitajiet oħrajn fil-madwar.
Dan ħabbritu Infrastructure Malta li fissret kif Pembroke-St Julian’s Connections huwa proġett ġdid li jestendi minn Triq il-Kosta sa Triq Reġjonali, qabel il-Pont Manwel Dimech u d-daħliet tat-tramuntana tal-mini f’Ta’ Giorni.
Il-Ġimgħa ġew ippreżentati l-applikazzjonijiet inizjali lill-Awtoritá tal-Ippjanar biex tkun tista’ tiġi varata l-konsultazzjoni pubblika dwar dan il-proġett u jinkisbu l-permessi tal-iżvilupp meħtieġa.
Dan il-proġett jinkludi l-bini mill-ġdid ta’ Triq Sant Andrija u parti minn Triq il-Kosta b’erba’ korsiji, it-tneħħija ta’ diversi sistemi ta’ traffic lights u djuq oħrajn li hemm fit-toroq tul din ir-rotta, kif ukoll erba’ mini ġodda biex jiffaċilitaw l-aċċess b’mod aktar sigur u mgħaġġel minn u lejn Pembroke, Paceville, San Ġiljan u s-Swieqi.
B’dan it-titjib, Infrastructure Malta se ttejjeb il-kapaċità ta’ din il-ħolqa ta’ toroq arterjali biex jonqos it-traffiku li bħalissa jgħaddi minn għadd ta’ toroq residenzjali fl-inħawi ta’ Pembroke, is-Swieqi u San Ġiljan, kif ukoll it-tniġġis fl-arja u r-riskji ta’ aċċidenti li dan iġib miegħu.
L-itwal mina mill-erbgħa li se jsiru se tgħaqqad it-tarf tan-nofsinhar ta’ Triq il-Kosta mal-Bajja ta’ San Ġorġ. Din il-mina taħt l-art se tkun twila kilometru u nofs u se jkollha żewġ korsiji, waħda f’kull direzzjoni.
Kuntrarjament għal proposti li saru qabel għal dawn l-inħawi, din l-infrastruttura ġdida se ttejjeb l-aċċess pubbliku għal bosta nħawi f’Paceville u San Ġiljan, u mhux se twassal biss għal xi żvilupp speċifiku.