“Il-Kummissjoni Elettorali tatna direzzjoni u l-Partit Nazzjonalista, kif għandu obbligu li jagħmel, ħa jkun qed josserva d-direzzjoni li tagħtu l-Kummissjoni Elettorali.”
Din kienet id-dikjarazzjoni ċara tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, ftit tal-ġimgħat ilu.
Dan għall-mistoqsijiet ta’ ONE News meta mill-ġdid kien staqsa meta l-Partit Nazzjonalista se jimxi mal-obbligi tiegħu u jippubblika l-kontijiet awditjati u r-rapporti tad-donazzjonijiet tiegħu.
Hawn Piccinino kien wieġeb li l-Partit Nazzjonalista kien ingħata żmien ta’ estensjoni mill-Kummissjoni Elettorali wara li, għal snin sħaħ, taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech naqas milli jonora l-obbligi li għandu skont il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.
“Tajjeb tkun taf li l-Kummissjoni Elettorali tat extension lill-Partit Nazzjonalista biex ikun jista’ jagħmel ir-rapport.”
Kien hawn li Piccinino kkommetta li jimxi mad-direzzjoni tal-Kummissjoni Elettorali wara li l-Partit Nazzjonalista ilu snin jikser il-liġi.
Michael Piccinino: “Fiż-żmien stipulat mill-Kummissjoni Elettorali. Il-Kummissjoni Elettorali tat bejn sitt xhur u disa’ xhur, skont liema sena bħala estensjoni. Aħna ħa nkunu qegħdin nagħmlu żgur li aħna se nkunu qed nosservaw id-direzzjoni.”
Iżda issa, hu magħruf li l-Partit Nazzjonalista lanqas l-estensjoni li ngħata għas-sena 2021 baqa’ ma onora, minkejja dikjarazzjonijiet pubbliċi minn Piccinino u saħansitra l-Kap Nazzjonalista nnifsu, Bernard Grech.
L-estensjoni li ngħata kienet proprju sal-4 ta’ Awwissu li għadda, jiġifieri aktar minn tliet ġimgħat ilu.
Dan ġie żvelat mill-gazzetta MaltaToday fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd li għadda, filwaqt li fakkret ukoll li l-Partit Nazzjonalista kien injora lill-Kummissjoni Elettorali ħames darbiet għal notifiki li ntbagħtulu biex jirregola ruħu.
B’hekk issa t-total tela’ għal sitt darbiet li l-Partit Nazzjonalista injora lill-Kummissjoni Elettorali meta lanqas l-estensjoni li ngħata issa ma onora.
Kemm ilu Kap Bernard Grech għal sena sħiħa, il-Partit Nazzjonalista baqa’ qatt ma ppreżenta l-kontijiet finanzjarji awditjati tiegħu, bil-Kap iġib skużi differenti, fosthom li ma sabx awditur.
Li l-Partit Nazzjonalista qed isib diffikultajiet biex isib il-professjonisti kellu jammettiha Bernard Grech innifsu, wara li kien gideb u qal li l-kontijiet ippreżentahom, xi ħaġa li ma kinitx minnha.
“Ikun hemm kultant kumplikazzjonijiet, ħafna drabi jkunu ħmerija, ikollok bżonn awditur u ma ssibx awditur mill-ewweL u allura ċerti commitments ma tagħmilhomx fil-ħin.”