Żgħażagħ mill-Paroċċa tas-Swatar ippreparaw il-pageant għall-Ġimgħa l-Kbira mill-kumdità ta’ djarhom hekk kif dawn it-tip ta’ attivitajiet tħassru fid-dawl tal-imxija tal-coronavirus f’pajjiżna.
Fil-Knisja tas-Swatar iltqajna ma’ Manuel Cilia, l-awtur tal-pageant ‘L-aħħar Lejl’, li wera sodisfazzjon għall-fatt li l-midja soċjali se turi xorta l-ħidma tiegħu u ta’ sħabu.
“Kellna żewġ għażliet quddiemna, jew nipposponi kollox għas-sena 2021 jew inkella inkunu ftit inovattivi u nużaw il-meżżi komunikazzjoni permezz tal-internet biex noħolqu xi ħaġa u għażilna t-tieni ideja.”
Cilia stqarr li din hija esperjenza ġdida, iżda sab l-appoġġ taż-żgħażagħ li lkoll ħadmu biex dan ix-xogħol jitgawda mill-pubbliku.
“B’hekk għal din is-sena ukoll irnexxilna noħolqu dan id-dramm biex jkun jista’ jitgawda min-nies u l-pubbliku ingenerali.”
Il-Kappilan tal-paroċċa tas-Swatar, Robert Grech irringrazzja liż-żgħażagħ u l-awtur għax-xogħol li għamlu biex dan il-pageant xorta waħda jintwera, anke b’mod virtwali.
Stqarr li permezz ta’ din l-inizjattiva l-pubbliku xorta se jgawdi l-bosta riflessjonijiet u tagħlimiet li fih dan id-dramm.
“Kien mument l-ewwel u qabel kollox kien sabiħ anke għaż-żgħażagħ infushom fejn kienet xi ħaġa li spiċċat imma reġgħet ħadet il-ħajja allura naħseb illi kienet esperjenza sabiħa għalihom.”
Il-Pageant kollu jinsab fuq il-paġna uffiċjali tal-Parroċċa tas-Swatar fuq Facebook.