Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, u l-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, ordnaw li ssir inkjesta dwar l-omiċidju li seħħ f’Raħal Ġdid it-Tlieta filgħodu.
Dan qed jagħmluh skont il-poter mogħti lilhom mill-Att dwar l-Inkjesti.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Camilleri spjega li l-inkjesta se tkun immexxija mill-imħallef irtirat Geoffrey Valencia u se tistabilixxi l-fatti b’rabta ma’ dan il-każ.
“Din l-inkjesta se tkun mistennija li timxi pass pass ma’ dak kollu li ġara, tistabbilixxi eżatt x’ġara minn kull entità li kellha kwalunkwe rwol f’dan il-proċess kollu, biex imbagħad, abbażi tagħha, jekk ikun hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet oħrajn.”
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Camilleri spjega li, fost l-oħrajn, il-Qorti kienet ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.
“Mill-informazzjoni li waslet għandi jirriżulta illi, f’Awwissu li għadda, il-vittma għamlet rikors quddiem il-Qrati tagħna. Wara li semgħu lill-partijiet, il-Qorti ddeċidiet illi toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Dan il-każ kien segwit wara, billi f’Mejju li għadda kien sar rapport mill-vittma, il-Pulizija infurmat li ħarġu l-akkużi fil-konfront tal-persuna suspettata llum.”
Il-Ministru Byron Camilleri żied jgħid li, madanakollu, din l-azzjoni, xorta ma kinitx biżżejjed biex tiġi evitata din it-traġedja. Qal ukoll li jinsab infurmat li kien hemm drabi fejn il-vittma ġiet assistita.
Il-Ministru Camilleri semma wkoll diversi azzjonijiet li ttieħdu biex f’pajjiżna tkompli tiġi indirizzata l-pjaga tal-vjolenza domestika.
Fost l-oħrajn, semma t-twaqqit tad-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, li taħdem mal-vittmi ta’ vjolenza ta’ dan it-tip, u l-emendi legali li daħlu fis-seħħ ftit tax-xhur ilu dwar il-femiċidju.
Huwa nnota li, minkejja dak li sar, l-ebda kelma ma tista’ tkun ta’ konsolazzjoni għall-qraba ta’ Bernice Cassar.
Huwa ta l-kelma li l-Gvern se jibqa’ jieħu l-passi kollha neċessarji biex tiġi miġġielda l-vjolenza domestika.
Intant, b’rabta ma’ dan il-każ, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, li bħalissa jinsab imsiefer b’rabta ma’ impenji tal-Gvern, ikkummenta fuq il-midja soċjali dwar dan il-każ.
Il-Ministru għall-Ġustizzja qal li kien f’kuntatt mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, u flimkien qablu li tinfetaħ inkjesta b’mod urġenti.