Fuq il-programm Newspoint, li jixxandar fuq ONE, dan l-istazzjon żvela numru ta’ gruppi fejn mijiet, u ġieli anke eluf ta’ persuni jxandru materjal pornografiku ta’ persuni mingħajr il-kunsens tagħhom, u anke pornografija ta’ nies taħt l-età.
ONE News kiseb aċċess għal numru ta’ gruppi differenti ta’ dan it-tip. Fost id-diversi messaġġi li jintbgħatu hawn, ħafna membri, b’mod regolari, jistaqsu għal materjal pornografiku ta’ nisa differenti. Fil-fatt, waqt li l-messaġġi kienu qed jiġu nvestigati minn ONE News, ma kinitx okkażżjoni rari li jinstabu talb għal materjal pornografiku ta’ ħbieb, familjari ta’ membri ta’ din il-kamra tal-aħbarjiet, u saħansitra anke Membri Parlamentari, u saħansitra anke bniet taħt l-età.
Fost id-diversi messaġġi li jintbgħatu f’dawn il-gruppi wieħed jista’ jsib ħafna eżempji ta’ kliem għoxxen fil-konfront tan-nisa li jidru fil-filmati, li jista’ jsir faċilment hekk kif il-maġġoranza tal-membri jużaw l-app b’mod anonimu.
Kull grupp li nvestigajna kellu sezzjoni magħrufa bħala VIP, u fi grupp partikolari, ir-regoli biex membri jidħlu f’din is-sezzjoni huma li jridu jxerrdu materjal pornografiku ta’ nies Maltin li jinkludi l-isem tan-nisa nvoluti, u sabiex jibqgħu fil-VIP, iridu jkomplu jibgħatu kull jumejn.
Karatteristika oħra komuni bejn kull grupp hi li l-membri jistgħu jistaqsu għal pornografija ta’ nies Maltin bl-isem, u b’mod regolari dawn in-nies jaqtgħu xewqthom, hekk kif min ikollu dan il-materjal jitfahom fil-grupp, jew jibgħathom b’mod privat lil min jistaqsi għalihom.
F’każ ieħor dan il-membru partikolari qal lill-membri l-oħra li hu lest biex iħallas mitt ewro għal ritratt jew filmat pornografiku ta’ tfajla partikolari. Intant, deher ukoll membru jgħid li l-eks tfajla tiegħu dejqitu għax bdiet titfa ritratti fuq il-midja soċjali ma’ raġel ieħor, u għalhekk qal lill-membri l-oħra li jekk tkompli tqabbiżielu, se jxerred ritratti tagħha għarwiena mal-pubbliku.
Sfortunatament id-domanda għal pornografija ta’ Maltin taħt l-età mhijiex rari f’dawn il-gruppi, hekk kif membri ġieli jistaqsu b’mod dirett għal dan it-tip ta’ pornografija, filwaqt li fi grupp partikolari, hemm sezzjoni sħiħa ddedikata biss għal pornografija ta’ Maltin li għandhom inqas minn tmintax -il sena.
Minkejja l-fatt li l-membri jużaw din l-app biex jibqgħu anonimi, dan l-istazzjon xorta waħda seta’ jsib l-identità ta’ ċertu membri attivi. Fost l-eluf ta’ membri mifruxa bejn dawn il-gruppi ONE News irnexxielu jiskopri aktar fuq membru partikolari li huwa fost l-aktar attivi mill-membri kollha. Wara ftit siegħat ta’ tfittxija fuq il-midja soċjali, kien evidenti li dan il-membru huwa tifel li għandu biss sittax -il sena.