Ftit jiem wara li s-servizz ta’ trasport b’xejn għall-anzjani tas-SIlver T, ġie estiż għal madwar il-pajjiż kollu, crew ta’ ONE News qatta’ għodwa ma’ anzjan li jagħmel użu minn dan is-servizz fil-Mosta.
Tul il-vjaġġi stajna ninnutaw id-dedikazzjoni li biha jingħata s-servizz, sa mill-wasla biex jinġabru l-anzjani minn darhom, sa ma jittieħdu għall-qadi li jkollhom bżonn u jerġgħu jitwasslu lura d-dar.
Donald Cini kellu bżonn jagħmel xirja żgħira tal-ikel u jmur għal appuntament fiċ-ċentru tas-saħħa tal-lokalità fejn jgħix.
Qal, “Is-servizz tas-Silver T huwa eċċezzjonali. Jiena nużah għal ħafna affarijiet. Illum eżempju mort nixtri għand tal-grocer, wara tal-grocer kelli appuntament iċ-ċentru tas-saħħa u wassluni hemm, u minn hemm reġgħu wassluni lura d-dar.”
Permezz ta’ dan is-servizz b’xejn, l-anzjani jżommu l-indipendenza tagħhom u jibqgħu attivi fil-komunità.
Helen Bugeja, il-koordinatriċi tas-servizz fi ħdan id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva, qaltilna li s-sena l-oħra saru aktar minn ħdax-il elf vjaġġ bis-Silver T.
Qalet, “Dan huwa servizz li jużawh l-anzjani ta’ kuljum fejn jistgħu jinqdew fil-kliniċi, fil-bereġ, xiri ta’ kuljum u qadi ieħor. Dejjem il-prijorità hija s-saħħa u l-qadi ta’ kuljum.”
Fl-aktar estensjoni riċenti li saret tas-servizz, tħabbar ukoll li l-kumpanija BCRS se tipprovdi sitt vetturi elettriċi biex l-anzjani jkunu jistgħu jiddepożitaw il-kontenituri riċiklabbli tagħhom fir-reverse vending machines qabel ma jmorru jagħmlu x-xirja fejn ikunu jistgħu jużaw il-vawċers.
Qalet, “Minn ftit jiem ilu wkoll, aħna bdejna nistgħu neħduhom jieħdu l-kontenituri tagħhom biex ikunu jistgħu jsarrfuhom f’vawċers. B’hekk, l-anzjan jew anzjana tista’ tmur tixtri imma qabel tmur tixtri, aħna nistgħu neħduha ssarraf il-kontenituri.”
F’ġurnata waħda, vettura f’reġjun tagħmel medja ta’ erbatax-il vjaġġ.
Bħalissa qed isiru madwar erba’ mitt vjaġġ kull ġimgħa bis-Silver T.
Kull min jixtieq jagħmel użu mis-servizz, jista’ jċempel tlett ijiem qabel, fuq in-numru 22788900 bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u s-sagħtejn ta’ waranofsinhar.
Qalet, “Ħafna nirrakkomandah għax tkun moħħok mistrieħ. Jien inkun ippreparat inċempel tlett ijiem qabel, ngħidilhom fejn irrid immur, iwassluni, u nkun moħħi mistrieħ li l-qadi se nagħmlu żgur.”