Il-kannabis. Pjanta li hija maħsuba li bdiet tiġi kkonsmata mal-erbat elef sena ilu fl-Ażja, liema użu beda jiġi pprojbit madwar id-dinja ftit aktar minn mitt sena ilu.
Hekk kif madwar id-dinja aktar pajjiżi qegħdin jerġgħu jillegalizzaw il-kannabis għall-użu personali, bosta persuni f’Malta qegħdin jistennew b’ħerqa l-liġi li tirregola l-użu tal-kannabis, b’mod speċjali dawk li xellfu difrejhom mal-ġustizzja wara li ġew ittrattati bħala traffikanti.
ONE News tkellem ma’ raġel li ġie arrestat minħabba li nqabad jagħmel użu tal-kannabis fil-pubbliku.
Ir-raġel, li talab biex jibqa’ anonimu, stqarr magħna kif snin ilu, kien qiegħed ipejjep il-kannabis ma’ sħabu, meta f’salt ġew arrestati minn Pulizija pajżana.
Huwa nnota li minħabba li dawn kienu qed ipejpu l-kannabis tiegħu, f’għajnejn il-liġi, huwa ġie trattat bħala traffikant.
Huwa stqarr: “Ma kellix ħafna, ma kellix aktar minn tlieta (grammi) fuqi eżempju, ma kelli xejn kbir, taf int kien hemm ħafna nies li kellhom eżatti l-istess ħaġa bħali biex niftemu sfortunatament.”
Huwa spjega li wara dan l-episodju, ingħata sentenza ta’ probation, u għall-bidu ħassu mbeżża’ li din is-sentenza se tibqa’ miegħu tul ħajtu kollha: “Bdejt naħseb u forsi newden ftit żgħira fuq il-fatt li jaf tibqali fuq il-kondotta, imma fl-istess ħin peress li kont għadni taħt it-tmintax-il sena ġietni tajba li l-kondotta uffiċjali ma kinitx ħa tidhirli l-probation, sakemm ovvjament ma kont nagħmel xejn aktar u ma nerġax niġi arrestat.”
Fost l-oħrajn, huwa laqa’ l-fatt li bil-liġi l-ġdida ser ikun jista’ jixtri l-kannabis minn sors regolat, u mhux minn traffikanti, hekk kif spjega li bħalissa kull darba li jixtri l-kannabis jkollu jmiss mad-dinja tal-kriminalità.
Huwa sostna: “Ovvjament dejjem ikun hemm dak l-inkwiet ta’ allaħares qatt jiġri xi ħaġa, allaħares qatt tinqabad, dejjem ikollok dak l-inkwiet f’moħħok, allura biex tneħħi dak l-inkwiet tkun xi ħaġa tajba ħafna ovvjament.”
Dwar il-futur, huwa jħossu ottimist, hekk kif il-liġi għall-użu responsabbli tal-kannabis ser tippermetti li jkompli jgħix ħajtu mingħajr l-inkwiet li jerġa’ jgħaddi minn episodju ikrah.
Huwa saħaq: “Kif nistgħu naqblu naħseb jien li l-liġi mhux ħażina, anzi it’s a very good move għax jien nemmen li l-kannabis tista’ tgħin lil ħafna nies f’ħafna postijiet differenti, mentalment, fiżikament, eċċetra.”