Is-Sindku tas-Siġġiewi, Dominic Grech, appella biex, nhar il-Ħadd li ġej, kulħadd jattendi bi ħġaru għall-attività politika tal-Partit Laburista, li se ssir fil-Limestone Heritage, fl-istess lokalità.
Tlett ijiem qabel mal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, iwassal il-messaġġ tiegħu ta’ kull ġimgħa, is-Sindku tas-Siġġiewi ħeġġeġ lil kull min jista’ jattendi, f’turija t’appoġġ lejn il-Prim Ministru ta’ Gvern li qed ikompli jinvesti dejjem iżjed fil-komunitajiet u jieħu ħsieb lin-nies.
“Il-Prim Ministru Robert Abela se jingħaqad magħna fis-Siġġiewi nhar il-Ħadd filgħodu fejn se nkunu qed nisimgħu l-kelma tal-Prim Ministru li, bil-politika serja tiegħu, il-pajjiż mhux biss qed ikompli miexi ’l quddiem, imma l-poplu Malti u Għawdxi qed igawdi wkoll minn livell ta’ għajxien ferm aħjar minn dak li kellu qabel.”
Grech kompla jispjega s-sinifikat ta’ din l-attività fil-lokalità, li jirrappreżenta, xhur biss qabel l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew.
“Fuq livell lokali, ma nistax ma nitkellimx fuq ix-xogħol, inizjattivi u għajnuna li l-Gvern qiegħed jagħti lill-Kunsilli Lokali. Dan nista’ nixhdu jien bħala Sindku tas-Siġġiewi f’din l-aħħar leġiżlatura, bil-ħafna inċentivi li kellna, investiment fl-infrastruttura, toroq ġodda, spazji miftuħa ġodda li għaddejjin bħalissa wkoll. Fis-Siġġiewi hemm ukoll il-ħarsien ta’ ħafna patrimonju, bħall-Kappella tas-Salib tal-Għolja tal-Lunzjata u r-restawr taz-zuntier tal-knisja parrokkjali, u ħafna xogħol ieħor ta’ restawr u inċentivi oħrajn li għaddejjin anke fejn tidħol is-sigurtà tal-lokalità tagħna.”
L-appuntament hu għal nhar il-Ħadd li ġej, fl-għaxra u nofs ta’ filgħodu, fil-Limestone Heritage fis-Siġġiewi.