Dalgħodu Christabelle żaret l-Istitut għas-Saħħa Mentali Globali fl-Università ta’ Nova f’Lisbona.
Hemm hekk kompliet tqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet soċjali marbuta mal-kura tas-saħħa mentali.
F’mument minnhom meta Christabelle kienet qed titkellem biex aktar nies iqumu u ma jibżgħux ifittxu l-għajnuna meta jsibu ruħhom f’diffikultajiet b’rabta mas-saħħa mentali, Olandiża li għaddiet ukoll minn żmien diffiċli qamet tirringrazzja lil Christabelle li qed twassal messaġġ profond.
Kien mument emozzjonali ħafna u Christabelle qamet minn postha biex tagħti tgħanniqa lil din il-persuna.
ARA l-emozzjonijiet li kien hemm dalgħodu:
Fi kliem il-grupp akkademiku ta’ din l-Università, Malta qed tagħmel pass eċċellenti billi tuża l-parteċipazzjoni tagħha fil-Eurovision biex tkompli tagħti viżibilità kwistjonijiet soċjali.
Waqt iż-żjara tagħha, twasslu wkoll messaġġi rrekordjati mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.
It-tnejn saħqu fuq l-importanza li Malta qed tagħti lil kura tas-saħħa mentali.
Christabelle kantat ukoll verżjoni akustika tal-kanzunetta Taboo fost ċapċip u emozzjonijiet kbar.
L-impenn li jmiss għal Christabelle huwa llejla meta se tkun qed tkanta fil-villaġġ tal-Eurovision li jinsab fiċ-ċentru tal-kapitali Portugiża.