Fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka, fil-Fgura għall-ewwel darba saret l-attività “Il-Mixegħla ta’ Ħamis ix-Xirka”, fejn tpoġġew aktar minn 4,500 xemgħa ta’ lewn differenti fuq iż-żuntier u fit-triq prinċipali ta’ din il-lokalità.
Permezz ta’ dawn ix-xemgħat inħolqu disinji varji relatati mal-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.
L-iskop ta’ din l-attività kien sabiex jitfakkar dan iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa, b’rispett sħiħ lejn il-miżuri imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Is-Sindku tal-Fgura Pierre Dalli nnota b’sodisfazzjon din l-inizjattivà, filwaqt li jħares ‘il quddiem għal inizjattivi bħal dawn f’din il-lokalità biex il-Fgura tippromovi l-qasam kulturali u jsaħħu wkoll it-tradizzjonijiet li ħallewlna missirijietna.
Din l-inizjattivà saret mill-Kunsill Lokali tal-Fgura flimkinem mal-Kummissjoni Festa Esterna tal-istess lokalità.