Bħala parti miż-żjara tiegħu f’ Malta, Rok Bagoros, stunt driver li jirrapreżenta d-ditta tal-muturi KTM fuq livell internazzjonali, ġibed filmat f’għadd ta’ lokazzjonijiet pittoreski f’ pajjiżna. Filmat ftit differenti fejn taħt sigurta massima tal-Pulizija tat-traffiku, l-istilla tal-adrenalina fuq żewġt roti jidher jagħmel diversi mossi bil-mutur tiegħu fi Pjazza Tritoni, fil-Barrakka ta’ Fuq, max-Xatt fil-Birgu u fuq il-Ferry bejn il-Belt u l-Kottonera.
Il-Filmat sar b’ kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu li fl-aħħar siegħat, promoviet lill-pajjiżna permezz tal-istess filmat fuq is-siti soċjali kollha.
Bagoros beda jinnamra ma’ dan l-sport fuq żewġt roti minn eta żgħira wara li xtara scooter żgħir permezz ta’ ftit flus li rnexxielu jfaddal minn impjieg żgħir li kellu. F’ qasir żmien sar sensazzjoni fuq YouTube permezz ta’ għadd ta’ filmati li kien jgħamel.
B’taħlita ta’ adrenalina u eleganza llum Rok għandu stil personalizzat ta’ kif joħloq stunts differenti taħt l-isem tal-kumpanija KTM permezz tal-mutur KTM Duke.
Ritratti: Koala Media