Iltqajna ma’ Dun Tony Pace fil-Knisja Parokkjali ddedikata lil San Pawl ta’ Ħal Safi fejn, bħalissa, qed jaqdi dmirijiet tiegħu bħala saċerdot, kif jagħmel ukoll fil-Paroċċa ta’ Ħal Luqa.
Dam miżżewweġ ma’ Joan 31 sena. Kienu żewġ għalliema. Huwa papà ta’ tliet ulied: Pauline, Deborah, u David, li wkoll qabad it-triq bħala reliġjuż mal-Moviment Missjunarju ta’ San Pawl. Bħal missieru, qiegħed fil-mixja għas-saċerdozju. Barradan, Dun Tony huwa wkoll nannu ta’ tnejn, li huma l-mimmi t’għajnejh.
Għaxar snin ilu martu Joan ġiet nieqsa. Minn hemm ‘il quddiem Dun Tony beda l-vokazzjoni tiegħu għas-saċerdozju.
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier, tkellem magħna dwar x’differenza jara fl-imħabba tiegħu ta’ missier bijoloġiku ta’ wliedu u dik lejn in-neputijiet.
“It-tfal tiegħek u n-neputijiet, it-tnejn tħobbhom, ovvjament. Issa mhux kwistjoni lil min tħobb l-aktar. Tħobbhom differenti. Lit-tfal tiegħek tiggwidahom, tikkoreġihom, in-neputijiet għandna tendenza li nfissduhom.”
Tony Pace għamel snin twal bħala edukatur. Saħansitra ħareġ xi kotba mmirati għat-tfal fil-Primarja. Huwa qasam magħna l-ħsibijiet tiegħu dwar l-imħabba ta’ missier, li ddefinixxiha fi tliet aspetti: dak spiritwali, dak bijoloġiku, u anki dak legali. Huma qasam magħna ħsibijiet dwar l-imħabba spiritwali.
“Meta kont żgħir, fi tfuliti u f’żgħożiti, anki għamilt żmien twil naħdem fis-soċjetà li waqqaf San Ġorġ, il-Museum. Hemmhekk teżerċita dik li jgħidulha paternità spiritwali. It-tfal, għalkemm mhumiex tiegħek, tħobbhom, tedukahom, tipprova tagħmilhom ċittadini tajbin, tipprova tgħidilhom il-valuri tajbin. Inti tiġi qisek il-missier spiritwali tagħhom.”
Fid-29 ta’ dan ix-xahar, Tony Pace se jagħlaq tliet snin qassis. Tkellimna miegħu dwar l-imħabba tiegħu u l-ħajja matrimonjali li kellu, u li għadha mnaqqxa f’qalbu.
“Meta kelli 27 sena, il-Mulej laqqagħni ma’ mara bil-għaqal jisimha Joan u ddeċidejna li niffurmaw familja, u kelli tlett itfal. Hemmhekk, nitkellmu fuq paternità bijoloġika. It-tfal ikunu parti minnek u inti tagħmel mill-aħjar biex tipproteġihom, biex tagħtihom l-edukazzjoni.”
Dun Tony tkellem fuq San Ġużepp, il-missier putattiv ta’ Ġesù, li fil-Bibbja nsibu li pproteġih kemm seta’. Huwa qabbel l-imħabba ta’ San Ġużepp ma’ mħabba ta’ dak il-missier li jkun qed irabbi ulied li ma jkunux bijoloġiċi tiegħu, imma qed jagħmilha b’impenn u mħabba liema bħalha.
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier, huwa kellu messaġġ skett għall-missirijiet kollha.
“Jien nenfasizza ħafna li min qiegħed jeżerċita xi paternitá jikkonċentra kemm jista’ jkun fuq id-dmirijiet. Missier m’għandux drittijiet. Għandna dmirijiet. Liema missier tibkilu t-tarbija fis-sagħtejn ta’ bil-lejl u jgħid, ‘Jien għandi d-dritt li nistrieħ. Jiena filgħodu rrid immur għax-xogħol’. Ħallina mid-drittijiet, aħna biex inrabbu u biex nedukaw irridu nikkonċentraw fuq id-dmirijiet.”