Christen Cachia, missier ta’ 31 sena minn Ħal Safi tilef ħajtu wara li matul il-lejl kien involut f’ħabta head on bejn żewġ taxis f’San Pawl il-Baħar.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-kwarta tas-Sibt filgħodu fi Triq Burmarrad, San Pawl il-Baħar. Fl-istess inċident, raġel ta’ 59 sena miż-Żejtun li kien qed isuq it-taxi l-oħra jinsab ukoll fil-periklu tal-mewt. F’din it-taxi tal-għamla Peugeot Expert Traveller kien hemm 4 passiġġieri oħra li huma kollha barranin li sofrew ġrieħi ħfief.
Kawża tal-impatt qawwi bejn iż-żewġ vetturi, waħda mill-karozzi spiċċat taret għal diversi metri fuq bankina. Il-persuni kollha nħarġu mill-vetturi wara ħidma minn membri tal-Protezzjoni Ċivili u numru kbir ta’ timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei.
Għal xi ħin it-triq ingħalqet għat-traffiku sakemm saru l-investigazzjonijiet tal-Pulizija mmexxija mis-Supretendent Walter Spiteri u mill-Ispetturi Pierre Guido Saliba u Walter Spiteri.
Intant, b’reazzjoni għall-mewt traġika ta’ Christen Cachia li huwa wkoll suldat, ir-residenti ta’ Ħal Safi bdew jibgħatu l-kondoljanzi tagħhom lill-familja Cachia.
Bosta ddeskrivew lir-raġel bħala ġojjel u qalu li kien devot lejn San Pawl u li kellu mħabba kbira lejn Ħal Safi.
http://www.one.com.mt/2019/05/04/xufier-imut-wara-habta-head-on-bejn-zewg-taxis/