Ir-raba’ jum tal-Ġimgħa Mqaddsa u jumejn qabel il-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu. Il-ġurnata tad-dlamijiet jew kif magħrufa aħjar, l-Erbgħa tat-Tniebri.
Fil-jum li l-Knisja Kattolika tħejji ruħha għall-mument tal-passjoni ta’ Kristu, fin-Naxxar dan l-istazzjon iltaqa’ ma’ Monsinjur Richard Borg, li spjega minn fejn orġina l-Erbgħa tat-Tniebri.
Qal, “Il-kelma tniebri ġejja minn tenebre kelma latina u bil-Malti tfisser dlamijiet u dellijiet. Dan iż-żmien il-knejjes kienu jkunu miksijin bid-damask iswed u jkunu f’atmosfera ta’ dlam.”
Monsinjur Borg qal kif f’dan il-jum kien hemm drawwa li s-saċerdoti jinġabru u jgħidu t-talb tal-matutin u s-salmi, fejn jitkantaw ħmistax-il salm li jirrapreżentaw fost l-oħrajn lit-tnax-il appostlu u l-Madonna.
Spjega, “Waqt il-funzjoni kien ikun hemm kandilabri, qisu gandlier forma ta’ trianglu u minn dan kienu jkunu ħerġin ħmistax-il xemgħa. F’kull waħda mil-lezzjonijiet tal-matutin kien joħroġ xi ħadd jitfi x-xemgħad, disa’ u waqt il-laudi jitfi ħamsa oħra.”
Is-saċerdot spjega li l-aħħar xemgħa ma kinitx tintefa’ u tiddaħħal fis-sagristija biex minnha jinxtegħel il-blandun f’Sibt il-Għid.
Xi ħaġa simbolika oħra marbuta ma’ dan il-jum huwa t-tisbit tas-siġġijiet fil-Knejjes, li jfakkru t-terremot ta’ x’ħin miet Ġesu, il-mument li minn fuq is-salib għajjat li kollox hu mitmum, mejjel rasu u radd ruħu.
Qal, “Dak il-ħin in-nies li kien ikun hemm preżenti kellhom drawwa li jibdew iċekċku s-siġġijiet u joqgħodu jħabbtuhom mal-art u fil-kor l-abbatini jħabbtu s-sedji biex joħolqu spirtu ta’ terremot ta’ xħin miet Krsitu.”
Dan il-jum huwa l-aħħar wieħed li fih is-saċerdoti jilbsu l-kulur vjola, hekk kif f’Ħamis ix-Xirka jintlibes l-abjad, u li fil-Ġimgħa l-Kbira jintlibes l-aħmar.
Imbagħad il-Ħadd il-Knisja tiċċelebra l-aktar festa importanti għall-Insara, meta Ġesù jqum mill-mewt wara tlett ijiem fil-qabar.