“Trid tkun vera ma tistħix biex tilagħbha tal-paladin tad-demokrazija, meta int stess tkun ħallejthom jużawk biex iqaċċtu ras kap elett demokratikament u tipprova tixħet dnubietek fuq ħaddieħor.”
Dan kien is-sentiment espress minn Nazzjonalisti urtati għad-double standards tal-klikka estremista, li wkoll tiddomina fil-Partit Nazzjonalista u qed timponi kontinwament fuq Bernard Grech, wara r-reazzjoni uffiċjali li kien hemm dwar is-sitwazzjoni politika fil-lokalità ta’ Ħal Għargħur.
L-istess sorsi li tkellmu ma’ ONE News komplew li “Bernard Grech kellu l-ardir jitkaża bis-sitwazzjoni tal-Kunsill ta’ Ħal Għargħur u, bħalu, għamlu Beppe (Fenech Adami), il-perċimes, flimkien ma’ Karol (Aquilina), li qaċċtu lil (Adrian) Delia minn kap … u Claudette (Buttigieg), li ma tiqafx tilgħaq lil Karol u lil Beppe. Ara min irid jitkellem dwar rispett lejn vot demokratiku. Vera bla żejt f’wiċċhom”.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista spjega kif id-deċiżjoni tal-Kunsillieri Laburisti u l-Viċi Sindku indipendenti għal mozzjoni ta’ sfiduċja fit-tmexxija tas-Sindku ttieħdet fl-aħjar interess tar-residenti tal-lokal, li jixraqilhom li jkun hemm tmexxija ta’ governanza tajba, inkluż bi trasparenza sħiħa.
Il-Partit Laburista spjega kif il-mozzjoni fil-fatt tressqet wara diversi talbiet biex tingħata informazzjoni dwar nefqiet suspettużi u potenzjalment irregolari, li kienu qed isiru mis-Sindku Nazzjonalista.
Minkejja talbiet ripetuti, il-kunsillieri baqgħu qatt ma ngħataw sodisfazzjon u nżammu fil-għama, anke jekk, xahar wara l-ieħor, kienu qed jintalbu japprovaw ħlasijiet.
Is-sorsi, li tkellmu ma’ ONE News, komplew li d-double standards tal-estremisti fil-PN ġejjin ukoll mill-fatt li dawn il-ħin kollu jilagħbuha tal-puritani, iżda m’għandhomx sinsla jikkundannaw in-nuqqas ta’ trasparenza minn Sindku Nazzjonalista stess, mhux l-inqas, għax din inzertat ħaġa waħda ma’ Beppe Fenech Adami u l-establishment.
Il-kunsillieri tal-Partit Laburista Mariah Meli u Christopher Fenech, flimkien mal-Viċi Sindku Francesca Attard, li rriżenjat mill-Partit Nazzjonalista riċentament, it-Tnejn li għadda talbu b’mod formali li tissejjaħ laqgħa urġenti biex tiddiskuti tali mozzjoni ta’ sfiduċja.