“Bħal xrar żgħar, dawk li jagħżlu li jagħtu mill-ħin tagħhom għall-volontarjat għandhom iċ-ċans ikebbsu l-imħabba permezz ta’ azzjonijiet żgħar, iżda li jġibu bidla kbira fil-ħajja ta’ dak li jkun.”
Qal dan il-President ta’ Malta George Vella waqt is-serata tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2022, organizzata mill-Kunsill Nazzjonali għas-Settur tal-Volontarjat.
Il-President stqarr li huwa ta’ min wieħed jammira d-dedikazzjoni u d-determinazzjoni li bosta individwi u gruppi juru fil-mixja tagħhom lejn soċjetà aktar ħanina, inklussiva, u li verament tirrifletti pajjiż modern, ġust u ċivilizzat.
Dawn huma ir-rebbieħa
Voluntier tas-Sena: Corinne Farrugia – RMJ Horse Rescue
Voluntier Żagħżugħ/a tas-Sena: Tatiana Muscat – Multiple Sclerosis Society Malta
Organizzazzjoni Volontarja tas-Sena: RMJ Horse Rescue
Kumpanija li tassisti lis-Settur Volontarju: HSBC Malta p.l.c.
Premju Victor Calvagna – Tfal fil-Volontarjat: Matthew Farrugia – Home Away from Home
Premju Speċjali għal ħidma volontarja minn individwu fil-komunità – Patri Dijonisju Mintoff – Laboratorju tal-Paċi
“Il-volontarjat huwa wieħed mill-pilastri ewlenin fuq xiex iserraħ il-poplu tagħna”, qal il-President Vella, waqt li appella biex aktar persuni u kumpaniji jagħrfu l-benefiċċji li jġib miegħu l-volontarjat u jkunu ta’ kontribut siewi għall-mixja lejn Malta aktar ġusta u ħanina.
Il-President saħaq fuq il-ħtieġa ta’ komunikazzjoni bejn organizzazzjonijiet volontarji varji.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-volontarjat huwa mibni fuq l-ispirazzjoni tal-voluntiera li ta’ kuljum jiddedikaw ħajjithom għall-benefiċċju tan-nies jew għal xi kawża ġusta. Hi qalet li kull voluntier, nominat u rebbieħ, huwa ta’ ispirazzjoni għal persuni ta’ kull età biex ikunu mħeġġa jipparteċipaw u jagħtu l-kontribut tagħhom biex is-soċjetà Maltija ta’ għada tkun aħjar minn dik tal-lum.