Fid-disgħa u għoxrin ta’ Diċembru li ġej, l-Awtorità tal-Mediċini Ewropea mistennija tapprova l-ewwel vaċċin kontra l-COVID-19.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne meta fi Stqarrija Ministerjali fil-Parlament, spjega li fil-bidu tas-sena l-ġdida, pajjiżna mistenni jirċievi l-ewwel dożi tal-vaċċin.
Qal kif, “L-EMA għarrfitna li r-riżultat tal-analiżi u allura d-data tal-awtoriżazzjoni se tkun id-29 ta’ Diċembru li ġej għall-Pfizer, sat-12 ta’ Jannar għall-Moderna. Astra Zenica mistenni jkollu approvazzjoni aktar tard fi Frar. Għalhekk id-Dipartiment tas-Saħħa qed jibbaża d-deċiżjonijieit fuq il-provvista tal-vaċċin mingħand Pfizer u Moderna.”
Id-Deputat Prim Ministru spjega l-pjan tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin b’rabta mat-tilqim tal-poplu.
Spjega, “F’Jannar noffru l-vaċċin lill-healthcare workers, inlaqqmu lil-staff fid-djar tal-anzjani, residenti fid-djar tal-anzjani u dawk li joqogħdu f’faċilitijiet tas-saħħa mentali u anzjani ‘l fuq minn 85 sena. Fi Frar inlaqqmu frontliners l-oħra kollha u anzjani ‘l fuq minn 80 seba, imbagħad noffru l-vaċċin li jbatu b’mard kroniku, ‘l fuq minn 70 sena u nies li jaġdmu fl-iskejjel. Wara noffru l-vaċċin liċ-ċittadini u imbagħad niftħuħ għall-popolazzjoni kollha.”
Chris Fearne kkonferma wkoll li t-tilqim kollu f’pajjiżna se jsir bl-aktar mod organizzat.
Qal li, “Se nirċievu invit bil-posta li jindika l-post, data u ħin fjen wieħed imur biex jireħu l-vaċċin. L-ittra se tindika wkoll id-data meta se tinagħta t-tieni doża minħabba li l-vaċċin jinagħta fuq żewġ dożi 21 ġurnata ‘l bogħod minn xulxin.”
Kompla jispjega li l-vaċċin ta’ Pfizer irid jinġarr u jinħażen f’temperaturi kesħin ħafna u kull kontenitur se jkollu mekkaniżmu biex jassigura dan kollu.
Qal, “Kull kontenitur li se jkollu ġo fih il-vaċċin għandu GPS tracker u GPS monitor li kull ħin se jissorveljaw il-post u temperatura tal-prodott biex tkun assigurata l-coldchain.”
Id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll li grazzi għall-proattiviżmu tal-Gvern, pajjiżna rriserva d-dożi kollha li għandu bżonn.
Sostna, “L-iżjed kumpaniji li huma avvanzati fil-produzzjoni huma l-Pfizer, Moderna u Astra Zeneca. Minn dawn it-tliet kumpaniji, Malta għandna miljun u sitt mitt elf doża ta’ dan il-vaċċin. Dan minbarra is-seba’ mitt elf doża oħra li għandna ordnati minn tliet kumpaniji oħra li huma aktar lura fil-produzzjoni tal-vaċċin.”
Id-Deputat Prim Ministru kkonferma wkoll li t-tilqim kontra l-Coronavirus se jsir bla ħlas.