Myriam Spiteri Debono twieldet fir-Rabat, Għawdex, fil-25 ta’ Ottubru tal-1952 u għandha 71 sena.
Hi kienet l-ewwel u l-unika mara li serviet fil-kariga ta’ Speaker tal-Parlament Malti, bejn l-1996 u l-1998 u hi l-ħdax il-President mindu pajjiżna sar Repubblika f’Diċembru tal-1974.
Hi attendiet l-Iskola Primarja tar-Rabat, Għawdex, u wara marret l-Iskola Sekondarja fl-istess lokal.
Wara kompliet bl-istudji tagħha fl-Università ta’ Malta, fejn l-ewwel iggrawdat b’Baċċellerat fl-Ingliż u wara ggrawdat fil-Liġi.
Fil-professjoni tagħha, Spiteri Debono ħadmet bħala nutara, u hi sew magħrufa li tat servizzi bla ħlas lil min kien fil-bżonn, waqt li għenet bosta studenti waqt iż-żmien tal-prattika tagħhom.
Fil-karriera politika tagħha, Spiteri Debono kkontestat erba’ elezzjonijiet ġenerali mal-Partit Laburista, dawk li saru bejn l-1981 u l-1996.
Għal madwar tliet snin, bejn l-1993 u l-1996, Spiteri Debono serviet ukoll bħala President tal-Għaqda Nisa Laburisti, illum magħrufa biss bħala Nisa Laburisti.
Meta f’Ottubru tal-1996, il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Alfred Sant, ippropona lil Spiteri Debono biex tkun Speaker tal-Parlament nhar il-ħamsa ta’ Diċembru fl-istess sena. Fil-Parlament kien hemm qbil unanimu dwar il-ħatra tagħha.
Sal-lum, in-Nutara Spiteri Debono għadha l-unika Speaker mara li kellu pajjiżna.
F’diskors li għamlet dakinhar tal-ħatra tagħha f’din il-kariga, hi kienet qalet li l-għażla tagħha hi xhieda tal-impenn tal-pajjiż biex ikun hemm il-preżenza attiva tan-nisa fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż.
In-Nutara Spiteri Debono, li tgħix f’Birkirkara, hi miżżewġa lil Anthony u għandhom tlett itfal – Elena, George u Maria Christina. Spiteri Debono hi wkoll nanna ta’ erbgħa – Alexandra, Paul, Pippa u Beppe.
Mil-lum, il-Ħamis erbgħa ta’ April 2024, Spiteri Debono se tibda sservi bħala l-ħdax-il President tar-Repubblika.
Interessanti l-fatt li Spiteri Debono hi wkoll l-ewwel mara Għawdxija li se tkun qed tokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Istat u t-tielet President mara wara Agatha Barbara u Marie-Louise Coleiro Preca qabilha, li wkoll kienu nnominati fi żmien Gvernijiet Laburisti.